Paqpaqli: Il-president ikun responsabbli mill-organizzazzjoni – George Abela

Il-President Emeritu George Abela qal li waqt it-terminu tiegħu r-responsabbilità finali ta’ kull attività li kienet tkun organizzata mill-Malta Community Chest Fund (MCCF), inkluż Paqpaqli, kienet taqa’ fuqu.
Fil-Qorti llum kompla jinstema’ l-każ dwar l-inċident seħħ waqt Paqpaqli għall-Istrina f’Ottubru tal-2015 meta sewwieq ta’ karozza li kienet qed tipparteċipa fl-10 edizzjoni ta’ Paqpaqli għall-Istrina tilef il-kontroll u baqa’ dieħel fuq in-nies.
George Abela qal li skont l-istatut tal-MCCF, id-deċiżjonijiet kienu jittieħdu mill-Bord tal-Amministraturi li kien immexxi mill-President. Qal li l-attivitajiet kienu jiġu organizzati minn kumitat ċentrali li kien immexxi minn assistent tal-President. Fil-Qorti Abela qal li kien jipprova jattendi l-laqgħat tal-kumitat ċentrali u kien iżomm ruħu aġġornat dwar xi jkun intqal meta ma kienx ikun preżenti.
Il-maġistrat Aaron Bugeja qal fil-Qorti kif f’seduti preċedenti diversi xhud kienu għamlu distinzjoni bejn l-avvenimenti tal-MCCF u l-hekk imsejħa avvenimenti minn terzi, bħal ta’ Paqpaqli.    Dwar dan Abela saħaq li fi żmienu ma kienx hemm din id-distinzjoni u sostna li r-responsabbilità dejjem kienet taqa’ fuqu.
Fil-Qorti Abela ta spjegazzjoni tal-prekawzjonijiet li kienu jittieħdu meta kien jiġi organizatt Paqpaqli. Żied jgħid li kien hemm ukoll dettalji żgħar li personalment kien jassigura li jkunu ġew osservati. Qal li l-barriers li kienu jintużaw kienu jkunu mimlijin bl-ilma u membru mill-kumitat kien saħansitra jivverifika li jkunu mtlew u tpoġġew kif suppost.
Meta tat ix-xhieda tagħha l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca l-ġimgħa li għaddiet, hi kienet viżibbilment frustrata meta staqsiet kellhiex tieħu r-responsabbiltà ta’ dak li ġara.
F’reazzjoni għar-rapporti tal-midja dwar is-seduta tal-lum, il-Membru tal-Parlament Nazzjonalista Jason Azzopardi qal fuq Facebook li f’pajjiż normali kien ikun hemm kriżi Kostituzzjonali, saħansitra anke riżenja.