Il-President elett Biden iwiegħed li jżomm mal-pariri mediċi

Biden ilaqqa’ taskforce dwar il-coronavirus

Gage Skidmore from Peoria, AZ, United States of America via Wikimedia Commons

Read in English.

Il-President-elett Joe Biden illum se jlaqqa’ taskforce dwar il-coronavirus biex jeżamina l-akbar problema li għandu quddiemu hekk kif jidħol fil-kariga f’Jannar. Dan hekk kif il-President Donald Trump għadu jipprova jsib soluzzjonijiet remoti ta’ kif jista’ jibqa’ f’postu.

Biden mistenni jiltaqa’ ma’ bord konsultattiv immexxi mill-eks Kirurgu Ġenerali Vivek Murthy u mill-eks Kummissarju tal-Awtorità tal-Ikel u l-Mediċini David Kessler biex ikun eżaminat kif tista’ tiġi kkontrollata l-pandemija li qatlet 237,000 Amerikan.

L-eks Viċi President Demokratiku mistenni jitkellem f’Wilmington, Delaware, dwar il-pjanijiet tiegħu li jiġġieled il-pandemija tal-Covid-19 u jerġa’ jibni l-ekonomija mill-ġdid. Matul il-kampanja huwa kritika l-ġestjoni tal-kriżi minn Donald Trump u wiegħed li jisma’ mix-xjentisti matul dan il-proċess.

Trump regolarment kellu xi jgħid mal-ogħla uffiċjali dwar il-pandemija. Il-Viċi President Mike Pence llum mistenni jiltaqa’ mat-taskforce tal-White House dwar il-coronavirus sa mill-ewwel darba mill-20 ta’ Ottubru.

Biden kien ikkonfermat bħala r-rebbieħ tal-elezzjoni nhar is-Sibt, erbat ijiem wara l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru, wara li qabeż il-270 vot meħtieġ fil-Kulleġġ Elettorali biex jirbaħ il-White House. Huwa kiseb aktar minn 4 miljun vot minn Trump, biex dan tal-aħħar sar l-ewwel President li ma kisibx it-tieni mandat mill-1992.

Iżda Trump baqa’ ma aċċettax it-telfa u nieda sensiela ta’ kawżi fil-Qrati li fihom qed jinsisti li kien hemm frodi elettorali, li dwarhom ma produċa ebda evidenza. Uffiċjali tal-Istati differenti qalu li ma kienu jafu b’ebda irregolaritajiet notevoli. 

Il-President m’għandu ebda avvenimenti pubbliċi skedati llum u ma tkellimx fil-pubbliku sa mill-Ħamis. Madankollu, skont kelliem għall-kampanja elettorali tiegħu, mistenni jniedi kampanja pubblika biex jitfa’ fid-dubju r-riżultati tal-elezzjoni, anke permezz ta’ avvenimenti fil-pubbliku. 

Madankollu l-konsulenti ta’ Biden komplew għaddejjin bil-ħidma tagħhom, inkluż il-konsiderazzjoni ta’ kandidati għall-karigi ewlenin fil-Kabinett. Iżda t-tranżizzjoni ma tistax tibda b’mod uffiċjali qabel mal-Amministrazzjoni tas-Servizzi Ġenerali tal-Istati Uniti, li hija responsabbli mill-proprjetajiet federali tiċċertifika r-rebbieħ.