Il-President aktar konċernat dwar is-serenità milli mil-liġi – Repubblika

L-għaqda Repubblika qalet li l-President ilbieraħ deher aktar konċernat b’dak li sejjaħ bħala ‘serenità’ milli dwar l-applikazzjoni tal-liġi.

Repubblika kienet qed tirreaġixxi għad-deċiżjoni tal-President George Vella li ma jneħħix lil Adrian Delia mill-kariga tiegħu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni.

Fi stqarrija Repubblika qalet li George Vella ġieli ddeskriva lilu nnifsu bħala l-gwardjan tal-Kostituzzjoni imma li mbagħad ilbieraħ iddikjara li kien qed jarmi ‘l barra dak li l-istess kostituzzjoni ordnatlu jagħmel.

L-għaqda qalet li jidher li l-Kostituzzjoni qed tipprovdi l-opportunità lin-nies fil-poter biex jaġixxu ‘l barra mir-regoli bażiċi tad-demokrazija.

Saħqet li l-President waħħal fil-kitba tal-Kostituzzjoni għall-“falliment tiegħu” milli jagħmel dak li l-istess Kostituzzjoni qed tgħidlu jagħmel.

Fi kliem Repubblika biex pajjiż jimxi sew irid ikun hemm liġijiet bażiċi li wieħed ikun jaf x’inhu l-eżitu tagħhom meta jiġu applikati.

Ikkritikat ukoll in-nuqqas ta’ trasparenza fit-teħid tad-deċiżjoni tal-President.

“Il-pubbliku ma kellu ebda viżibilità dwar il-pariri li ngħata, min tah dawn il-pariri, jekk aċċettax il-pariri jew marx kontrihom u jekk dawk il-pariri ġewx suġġetti għal kontro eżami,” qalet Repubblika.

L-għaqda fakkret ukoll li George Vella, eks Ministru Laburista, ntgħażel minn Prim Ministru tal-Partit Laburista.