Il-President Abela jistieden lill-Papa biex jiġi Malta

Waqt l-aħħar udjenza tiegħu mal-Papa Franġisku bħala President ta' Malta, Dr George Abela stieden uffiċjalment lill-Qdusija Tiegħu għal żjara Pastorali f'Malta.

Newsbook.com.mt hu infurmat li meta saritlu l-istedina, il-Papa Franġisku tbissem u qal: "il-vantaġġ hu li Malta mhix daqshekk 'il bogħod."

Li kieku l-Papa Franġisku jaċċetta l-istedina, din tkun ir-raba' żjara f'Malta tas-suċċessur ta’ Pietru.  L-ewwel żjara ta’ Papa f’Malta saret minn Ġwanni Pawlu II bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju, 1990. Dan kien it-48 vjaġġ appostoliku tal-Papa barra mill-Italja.

Fit-8 ta’ Mejju tal-2001, il-Papa reġa’ ġie Malta fid-93 vjaġġ tiegħu barra mill-Italja.  Din id-darba bħala parti minn pelegrinaġġ Pawlin li ħadu l-Grecja, s-Sirja u li spiċċa f’Malta.

Bħala parti mill-1950 anniversarju minn nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, il-Papa Bendittu XVI ġie Malta bejn is-17 u t-18 ta' April 2010.