Il-President Abela jiltaqa’ għall-aħħar darba mal-Papa Franġisku

Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku dalgħodu laqa’ fl-Uffiċċju tiegħu fil-Vatikan lill-President ta’ Malta Dr George Abela.  Din hi l-aħħar żjara ta’ Dr George Abela fil-Vatikan bħala Kap tal-Istat.  Għal din l-udjenza privata kien hemm preżenti wkoll il-familja tal-President Abela, inkluż it-tfal u t-tliet neputijiet tiegħu.

Fil-ħin li l-Papa ltaqa' mal-kumplament tal-famlja Abela, il-Papa qatta' ħafna ħin jilgħab man-neputijiet tal-President. Malli ra lill-Papa, Luca mar jiġri fuqu u tah dinożawru tal-plastik.

Stqarrija maħruġa mis-Sala Stampa tas-Santa Sede tgħid li l-Papa Franġisku u l-President George Abela tkellmu dwar l-importanza tal-għeruq tal-Fidi Nisranija f’Malta u dwar ir-relazzjoni bejn iż-żewġ stati.

Tfakkru wkoll it-tliet żjarat pastorali ta' Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI li ħallew marka fil-ħajja tal-Knisja u l-popolazzjoni Maltija.  Tkellmu wkoll dwar is-sehem importanti li l-Knisja f’Malta għandha fil-qasam tal-edukazzjoni.

Ġiet diskussa wkoll il-ħidma tal-Knisja u l-Istat fuq l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa.  Preżenti wkoll hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Dr George Vella.

Ritratt: Fabian Demicoli