Il-Presepju tan-Nannu se tixxandar fuq it-TV

Wara li ttellgħet ftit tal-ġimgħat ilu fuq il-palk tal-Istitut Kattoliku, il-produzzjoni Il-Presepju tan-Nannu se tkun qed tixxandar ukoll fuq it-televiżjoni.

Il-Presepju tan-Nannu hija ġrajja ta’ familja sempliċi, fejn il-Milied għalihom qisu qatt ma eżista għax l-aktar ħaġa importanti hija l-kilba għall-flus. Il-bqija xejn aktar ma jinteressahom. Iżda n-nannu li kien jgħix ma’ din il-familja ma jaħsibhiex bħalhom.

It-tfal mill-banda l-oħra jħossu n-nuqqas tal-Milied. U allura l-presepju fejn jidħol? X’jigri eżatt fid-dar tal-familja Bonello? X’qed jirrapurtaw l-aħbarijiet?

L-iskop ewlieni ta’ din il-produzzjoni kienet li tingħata opportunità lir-residenti tad-Dar tal-Providenza biex jidħlu aktar fil-qrib fil-qasam tat-Teatru. Dan qed isir permezz ta’ Inklużjoni bejn ir-residenti tad-dar, uħud mill-ħaddiema u anki atturi stabbiliti li joffru l-ħin tagħhom biex jagħtu seħimhom ukoll.

Fost dawn insibu lil Joe Borg, Sandro Vella, Nathaniel Attard, Amy Camilleri, Chanelle Zammit flimkien mal-kantanta Gaia Cauchi. Din id-darba din il-produzzjoni se tkun akbar minn qatt qabel.  Żdiedu l-karattri u b’kollox hemm madwar 40 attur inkluż ir-residenti fuq il-palk u madwar 15 oħra li ntużaw għall-filming.

Huwa dramm ħelu li jiżvolġi madwar familja simpatika. F’din il-familja jseħħ xi ħaġa li ħadd qatt ma stenna.

Il-Presepju tan-Nannu se jixxandar fuq TVM2 f’lejliet il-Milied, it-Tlieta 24 ta’ Diċembru fis-1.30pm.