Il-presepju mekkaniku tax-Xagħra jagħlaq 50 sena

Il-presepju mekkaniku tax-Xagħra li nsibu fil-Qasam tas-Subien (tal-Museum) qed jagħlaq 50 sena.

Dawn il-ġranet iltqajt ma’ wieħed mill-iktar membri ħabrieka u llum nistgħu nsejħulu anzjan bħali li ra t-twelid ta’ dan il-Presepju li min jaf kemm żaruh nies matul dawn is-snin kollha. Bla dubju fil-Qasam tal-Mużew matul il-ġranet tal-Milied dan jisraq l-attenzjoni kollha imma rridu ngħidu wkoll li l-Qasam kollu jkun mżejjen waħda prima b’għadd ta’ presepji, grotti u dijorami li jħalluk imbellah bis-sengħa u l-ħila tal-poplu tagħna.

Dan il-presepju mekkaniku trid tarah b’ċerta attenzjoni u mħabba u tisma’ wkoll il-kummentarju (fi tlett lingwi) biex tgawdih sewwa. Joe Borg qalli li dan il-presepju twieled fl-iskola l-qadima tax-Xagħra u hemmhekk dam isir għal tlett snin, bejn l-1969 u l-1971. Is-sena ta’ wara ma sarx imma fl-1973, is-sena li fiha kien laħaq l-Arċipriet Dun Ewkarist Sultana u l-festa tal-Inkurunazzjoni tal-istatwa ħelwa ta’ Marija Bambina, il-presepju beda jsir fiċ-Cirklu tal-Azzjoni Kattolika tal-Irġiel fi Triq Sant Anton sa ma ħa postu, fl-1976 fil-bini tal-Mużew attwali. Fil-bidu kompla jirrakkuntali Joe Borg, li llum nsibuh jaħdem fid-Dar tal-Anzjani tal-Museum f’Malta, il-presepju kien jinbena fl-intrata, forma ta’ ‘basement’ iżda bil-mod tela’ fuq fejn insibuh f’kamra mdaqqsa.

Hawnhekk qed nitkellmu mis-sena 1983 fejn għall-bidu kien presepju statiku imma kif il-binja tlestiet sewwa, il-presepju nbidel f’wieħed mekkaniku kif għadna narawh sallum. Maż-żmien nbidlulu xi magni u tbiddlu ma’ oħrajn iktar moderni li jaħdmu bit-’timer’ u ħadu post oħrajn qodma li kienu jaħdmu biċ-ċineg, qtajjen tal-bicycles, relays u x’naf jien. Ħafna mill-pasturi nħadmu apposta minn Ganni Attard biex dawn jidhru jitħarrku u jagħmlu xi movimenti; oħrajn inxtraw skont l-esiġenzi tal-presepju. Ganni bena wkoll id-djar minn ġablo, kartun, kartapesta, waqt li uża wkoll il-gagazza li ħafna minnha nstabet fix-Xagħra stess.

Il-presepju mekkaniku fix-Xagħra ġibed l-attenzjoni ta’ ħafna tant li fost il-premjijiet li rebaħ hemm dawk li ngħata f’kompetizzjonijiet nazzjonali fl-1970 u fl-1973. Wieħed fost dawk li għenu fil-bini tal-presepju kien Karmenu Spiteri li qabel ma emigra lejn l-Canada, kien biegħ xi apparat li nsibuh fil-presepju tallum.

Joe Borg isostni li bir-riħ ta’ dan il-presepju ħafna tfal kienu saru jinteressaw ruħħom fil-bini tal-presepju billi kienu jmorru jgħaddu ħin twil jarawh jinbena tant li bdew jagħmlu l-presepju tagħhom fid-dar u din l-imħabba tant kibret u tferrxet maż-żmien li llum fix-Xagħra nsibu għadd ġmielu ta’ dilettanti tal-Presepju u mhux inqas minn 31 presepju qed ikunu għall-wiri din is-sena.

Dan huwa ġid kbir li ġej minn dawn is-snin bikrija. B’hekk naraw biċ-ċar li fi ħdan il-Mużew qed isseħħ ix-xewqa tal-Fundatur San Gorg Preca li dejjem sostna li kull tifel li jmur il-Mużew jingħata grotta fi żmien il-Milied biex l-imħabba lejn l-Inkarnazzjoni tkompli tikber u tixtered. Fix-Xagħra wkoll illum nsibu l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju li hija attiva sew; saħansitra wieħed mill-membri tagħha, Victor Agius għażel li jagħmel it-teżi tiegħu fl-Universita ta’ Malta, dwar il-Presepju waqt li nsibuh jagħti daqqa t’id siewja fil-Wirja tal-Presepji li l-Għaqda Ħbieb tal-Presepju Għawdex Malta 1985 ta’ kull sena tagħmel fis-swali tal-Ministeru għal Għawdex.

Nagħlaq billi nħeġġiġkom tmorru żżuru din il-Wirja kif ukoll il-Presepju mekkaniku fix-Xagħra flimkien ma’ tant presepji oħra li jinbnew ma’ Għawdex kollu. Tħallux barra ‘Betlem f’Għajnsielem” u fil-feħma tiegħi l-Presepju ferm artistiku tas-Sur Frankie Mizzi fil-bidu tal-Fontana!

Kav Joe M Attard