Il-presepju Malti din is-sena għal Vjenna

Monique Agius

Read in English.

Il-presepju artistiku Malti din is-sena se jkun għall-wiri fil-Villaġġ tal-Milied tal-Kampus tal-Università ta’ Vjenna. Dan wara li kien għall-wiri fil-Pjazza tal-Vatikan fl-2016, fil-Pjazza tal-Maxtura f’Betlem fl-2017 u fil-Belt Valletta bħala parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Belt Kapitali Ewropea 2018.

L-ambjent tal-post ġo Vjenna, kif ukoll it-temp kien jitlob li jkun hemm tibdil strutturali iżda se jinżammu ħafna mill-istatwi orġinali li ġew maħluqa u mlibbsa mill-artist Għawdxi Manwel Grech. Ix-xenarju ċentrali fejn twieled Ġesù Bambin ġie maħluq mill-ġdid u ngħata dehra aktar tipika ta’ presepju Malti.

Il-grotta ġiet iddisinjata u manifatturata minn Jennings Falzon bil-għajnuna ta’ Norman Hill. Il-Gvern fi stqarrija qal li huma ħadmu taħt il-gwida u bis-sehem ta’ uffiċjali mid-Direttorat tal-Kultura mmexxija Emanuel Vella u l-Perit Paul Buhagiar u Herbert Debattista.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar dan ilbieraħ f’konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li mas-600,000 persuna minn Vjenna u eluf oħra ta’ turisti u nies lokali jżuru dan is-suq tal-Milied, li hu wieħed mill-akbar fl-Awstrija.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-Presepju Malti, l-ewwel kor nazzjonali, KorMalta, se jkun qed ikanta għanjiet tradizzjonali tal-Milied.

Il-presepju Malti se jiġi nawgurat fil-15 ta’ Novembru mill-President ta’ Malta George Vella fil-preżenza tal-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. Is-Sindku ta’ Vjenna Dr Michael Ludwig mistenni jattendi wkoll. Din l-inizjattiva ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-assistenza u l-għajnuna ta’ Natasha Meli-Daudey, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta fl-Awstrija.