Il-Premju tad-Deheb tal-IĠM għal Daphne

Il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia ngħatat il-Premju tad-Deheb (Gold Award) tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).
Dan tħabbar miċ-Ċerpersin tal-IĠM Norma Saliba illejla waqt l-edizzjoni tal-2018 tal-Malta Journalism Awards.
L-għan ewlieni tal-Gold Award huwa li jonora lil dawk li matul ħajjithom ikunu taw kontribut sinifikanti lill-ġurnaliżmu, liema impenn ikunu għamluh billi jkunu marru lil hinn mid-dover ġurnalistiku normali tagħhom.
F’ittra, it-teżorrier tal-IĠM Mario Schiavone qal li ħadd ma kien jobsor li sena wara li Matthew Caruana Galizia rebaħ il-premju Pulitzer, l-IĠM kien se jonora lil ommu wara mewtha. Qal li hi ma rċevietx Pulitzer iżda rċeviet il-mewt.
Dalgħodu l-editur tal-gazzetta Illum Albert Gauci Cunningham u l-ġurnalist tal-gazzetta MaltaToday James Debono qalu li jemmnu li l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia għandha tingħata rikonoxximent f’Malta wkoll.