Il-Premier League Ingliż approvat li jitkompla f’Ġunju

Rapporti qed jgħidu li l-Gvern tar-Renju Unit approva  li l-Kampjonat Premier Ingliż jerġa’ jibda jitlagħab f’Ġunju minħabba l-imxija tal-coronavirus. Id-deċiżjoni ttieħdet wara laqgħa bejn l-aqwa league tal-futbol fl-Ingilterra u l-Gvern Ingliż. Jidher li kollox  jinsab viċin biex flimkien jiffinalizzaw pjan tentattiv li jinkludi t-taħriġ jerġa’ jibda f’Mejju u l-logħbiet jirritornaw f’Ġunju.

Kollox jiddependi ovvjament mis-sitwazzjoni li dejjem qed tevolvi tal-coronavirus. Imma uffiċjali tal-Gvern qalu li jistennew li l-quċċata tal-marda tasal fi żmien qasir u wara jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-pajjiż.

Kampjonati oħra tal-futbol Ewropej ukoll issospendew il-logħob fit-13 ta’ Marzu. Id-data oriġinali biex jitkompla l-logħob kienet maħsuba  għall-ġimgħa l-oħra. Iżda minħabba li l-kundizzjonijiet marru għall-agħar, kemm fl-Ingilterra kif ukoll madwar id-dinja, din id-data tar-ritorn irriżultat kmieni wisq. Imma dejjem baqgħet  ix-xewqa li l-istaġun 2019-20 jitlesta.

L-Assoċjazzjoni Ingliża tal-futbol fi stqarrija qalet  “Aħna nkomplu fl-impenn tagħna biex insibu modi kif nibdew mill-ġdid l-istaġun tal-futbol 2019-20 u niżguraw li l-partiti kollha tal-kampjonati u tal-kampjonati Ewropej ikunu jistgħu jintlagħbu malli jkun sigur u possibbli li jsir hekk.”

Jekk il-logħbiet jerġgħu jibdew f’Ġunju, il-coronavirus xorta se jitfa’ dell fuq il-kompetizzjoni għax il-logħob se jintlagħab bil-bieb magħluqa. Hu mistenni li bosta mil-logħbiet jixxandru fuq it-TV biex iżommu lis-supporters id-dar u xorta waħda jgawdu l-logħob.