Il-Predikatur tal-Papa jmexxi rtir tal-Isqfijiet Amerikani

Patri Raniero Cantalamessa, predikatur tal-Papa jmexxi rtir għall-Isqfijiet Amerikani

Il-Papa Franġisku wara li stieden lill-Isqfijiet Amerikani biex jagħmlu rtir li fih jirriflettu dwar is-sitwazzjoni tal-Knisja Kattolika fl-Istati Uniti fid-dawl tal-iskandlu tal-abbużi sesswali, offra lil Fr. Raniero Cantalamessa, il-Predikatur tiegħu, biex imexxi dan l-irtir.

L-irtir li se jdum ġimgħa qed isir fis-Seminarju ta’ Mundelein, f’Chicago. Dan hu l-akbar seminarju fl-Istati Uniti u fih bħalissa hemm jistudjaw aktar minn 200 seminarist minn madwar 40 djoċesi differenti fl-Amerika u pajjiżi oħra.

F’Otturbu li għadda, meta l-Kardinal Daniel DiNardo, President tal-Konferenza Episkopali Amerikani kien Ruma, il-Papa kien stiednu biex jagħmel dan l-irtir għall-Isqfijiet tiegħu biex flimkien jirriflettu dwar il-kriżi li kienet tinsab fiha l-Knisja fl-Amerika.

It-tema tal-irtir li qed jitmexxa minn dan il-Patri Kapuċċin, magħruf ħafna għall-predikazzjoni tiegħu, hi: “Hu għażel Tnax biex ikunu Miegħu u jibgħathom Jippriedkaw”.

Meta l-Arċisqof DiNardo li jmexxi d-djoċesi ta’ Houston, irritorna lura mill-Vatikan, kien ħareġ stqarrija li fiha kien ħabbar li se jsir dan l-irtir ta’ ġimgħa għall-Isqfijiet Amerikani u rringrazzja lill-Papa Franġisku li aċċetta li Patri Cantalamessa jmexxi dan l-irtir. Hu kien irringrazzja wkoll lill-Papa għall-istedina biex “inċedu pass u nidħlu f’dan iż-żmien ta’ riflessjoni  biex nisimgħu l-Kelma t’Alla biex inwieġbu għas-sitwazzjoni serja li għandna quddiemna”.

Fl-istqarrija tiegħu l-Kardinal kien talab lill-insara biex jitolbu għall-Isqfijiet waqt li dawn ikunu qed ifittxu l-gwida tal-Ispirtu s-Santu biex isibu l-aħjar soluzzjonijiet għall-problemi li kienet qed tiffaċċja l-Knsija fl-Amerika.

F’Diċembru li għadda l-aġenzija Catholic News Service kienet ikkwotat lil Patri Cantalamessa jgħid li l-Papa Franġisku kien talbu biex imexxi dawn l-Eżerċizzi Spiritwali” għall-Isqfijiet Amerikani.

Cantalamessa kien spjega li dawn il-ġranet għandhom iservu biex l-Isqfijiet jirriflettu “bogħod mill-ħidma tagħhom ta’ kuljum, f’atmosfera ta’ talb u silenzju u jiltaqgħu personalment ma’ Alla. B’hekk jirċievu s-saħħa u d-dawl tal-Ispirtu s-Santu biex isibu l-aħjar soluzzjonijiet għall-problemi tal-Knisja fl-Amerika”.

Min-naħa tiegħu l-President tal-Konferenza Episkopali Amerikana talab  lill-insara jitolbu għall-Isqfijiet biex l-Ispirtu s-Santu  jiggwidahom u jitolbu wkoll għall-vittmii tal-abbużi sesswali.

Matul dan l-irtir barra r-riflessjonijiet ta’ Patri Cantalamessa, l-Isqfijiet Amerikani se jkollhom ukoll ħin għat-talb, riflessjoni, meditazzjoni, quddies u ħin għal talb personali u għall-qrar.