“Il-pre-fabricated attrezzati iktar minn ċertu klassijiet’ – Bartolo

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ddefenda l-użu tal-pre-fabricated classes, meta qal li huma attrezzati bl-aħjar faċilitajiet iktar minn ċertu klassijiet oħra.

Meta kien qed jitkellem fl-għeluq tat-tieni qari tad-diskussjoni dwar emendi għall-abbozz tal-liġi dwar l-Edukazzjoni, Bartolo qal li peress li f’ċertu skejjel irid isir xogħol strutturali anki matul is-sena skolastika, ikun hemm bżonn li t-tfal jiċċaqalqu mill-klassijiet u jmorru f’postijiet iktar siguri.

Il-Mnistru kien qed iwieġeb għall-kritika li saret mid-deputat Nazzjonalista Clyde Puli waqt l-istess dibattitu fejn għamel referenza għal numru ta’ mistoqsijiet parlamentari dwar il-pre-fabricated classes li ġew ippublikati din il-ġimgħa.

Id-deputat Nazzjonalista staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni dwar kemm hemm mobile classrooms bħalissa fl-iskejjel tal-Istat, f’liema skejjel qed jintużaw, x’inhi r-raġuni li qed jintużaw f’kull każ u kemm hawn studenti qed jagħmlu użu minn dawn il-mobile classrooms.

Il-Ministru Bartolo wieġeb fil-parlament li bħalissa hemm 13-il temporary classroom fl-iskola primarja ta’ San Pawl il-Baħar u 10 fl-iskola sekondarja taż-Żejtun.

F’San Pawl il-Baħar qed jintużaw dawn il-klassijiet bħala estensjoni tal-iskola sakemm fi ftit xhur oħra tinfetaħ l-iskola l-ġdida tal-Qawra. Fiż-Żejtun qed jintużaw waqt li jinsab għaddej xogħol estensiv biex titkabbar u tisssebbaħ l-iskola fejn qed jinbena sular ġdid fuq kull blokka u jkun modernizzat il-bini eżistenti.

Mill-mistoqsijiet parlamentari rriżulta li fl-Iskola Sekondarja taż-Żejtun hemm 176 student li qed jagħmel użu mit-temporary classrooms waqt li jużaw ukoll klassijiet oħra tal-iskola, filwaqt li fl-iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar hemm 60 student jagħmlu użu mit-temporary classrooms peress li ċertu prefabs jintużaw għal laqgħat jew one-to-one sessions.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni ċaħad li l-gvern xtara jew kera containers biex jintużaw bħala klassijiet.