​​Il-PPE se jlaqqa’ Konvenzjoni Straordinarja f’Malta

Il-Partit Popolari Ewropew se jlaqqa' Konvenzjoni Straordinarja f'Malta matul l-ewwel sitt xhur tal-2017.
Dan tħabbar fi tmiem laqgħa fi Brussell tal-Kapijiet tal-Partiti fil-Partit Popolari Ewropew.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.
Il-Konvenzjoni Straordinarja tal-Partit Popolari Ewropew se ssir f'Malta fi tmiem negozjati li għalihom kien hemm preżenti wkoll Simon Busuttil.
Għal din il-Konvenzjoni se jkunu preżenti f'Malta il-Kapijiet tal-partiti politiċi li huma membri tal-Partit Popolari Ewropew fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy u l-Prim Ministru Grieg Antonis Samaras.
Għall-Konvenzjoni tal-Partit Popolari Ewropew huwa mistenni li jattendu mal-1,000 delegat minn madwar l-Ewropa.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Simon Busuttil laqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li din il-Konvenzjoni Straordinarja ssir f'Malta. 
Qal ukoll li dawn il-mexxejja se jaslu f’pajjiżna fi żmien meta Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea.
Għat-taħdidiet fi Brussell, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa.