Il-PPE jipproponi tqassim obbligatorju tal-immigranti

Il-Partit Popolari Ewropew qed jipproponi li l-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea jkunu obbligati li jaqsmu l-piż tal-immigrazzjoni.
Tressqet proposta li l-pajjiżi membri jieħdu numru ta’ immigranti mill-pajjiżi l-oħra l-iktar milquta.
Il-proposta tkun mandatorja fost il-pajjiżi kollha membri tal-Unjoni Ewropea.
Il-membri tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u Monika Hohlmeier saħqu li jeħtieġ azzjoni iktar diretta biex tittaffa l-problema tal-immigrazzjoni.
B'hekk din il-proposta se tnaqqas il-problemi mill-pajjiżi tal-Mediterran fosthom Malta.
F'konferenza tal-aħbarijiet il-membri tal-PPE fil-kumitat LIBE, Metsola u Hohlmeier qalu li l-proposta għandha l-appoġġ ta' gruppi politiċi Ewropej oħra fosthom tas-Soċjalisti Demokratiċi u l-Grupp tal-ALDE li huma favur tal-kwoti għall-pajjżi membri biex jieħdu iktar immigranti.
Qalu wkoll li r-riżorsi għandhom jingħataw lil dawk li veru jeħtieġu l-għajnuna u għalhekk dawk l-immigranti li ġejjin minn pajjiżi fejn m’hemmx gwerer trid tingħatalhom l-għajnuna biex imorru lura f’pajjiżhom wara l-proċess tal-ażil.