“Il-pożizzjoni tal-Ministru ma tibqax tenibbli jekk ma jsirux riformi fil-bini” – AD/PD

Nicole Borg

L-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku qalu li jekk ma jsirx progress fl-industrija tal-bini biex jiġu salvagwardjati l-ħajjiet, il-pożizzjoni tal-Ministru responsabbli ma tibqax tenibbli.

Din l-istqarrija ħarġuha wara li lbieraħ raġel ieħor tilef ħajtu f’sit ta’ kostruzzjoni. Dan kien raġel mill-Gambja ta’ 32 sena, li kien qed jaħdem f’dan is-sit. Raġel ieħor ta’ 35 sena mill-Belt Valletta qed jissielet għal ħajtu. It-traġedja ġrat fi Sqaq l-Erwieħ f’Bormla.

L-istqarrija tal-AD/PD tgħid li, “Kollox juri li l-leġiżlazzjoni li daħlet fis-seħħ is-sena l-oħra, li kellha tirregola l-industrija tal-bini, lanqas tiswa l-karta li nkitbet fuqha. Is-sistema għadha mkissra.”

Huma saħqu li n-nuqqas tal-Gvern li jwettaq ir-riformi meħtieġa u mwiegħda se jsarraf f’telf ta’ aktar ħajjiet u tkissir ta’ familji.

L-AD/PD ħeġġew lill-Gvern biex iwettaq il-wegħda tiegħu mingħajr aktar dewmien, kif wiegħed formalment fl-ittra tiegħu t’Awwissu li għadda. 

Bint Miriam Pace, il-mara ta’ 54 sena li mietet meta ġġarrfet darha fil-Ħamrun f’Marzu li għadda, ukoll ikkummentat fuq dan il-każ u qalet li l-awtoritajiet ma ħadux xogħfa mill-mewt ta’ ommha. Hija staqsiet min imissu jmut sabiex forsi l-awtoritajiet jintebħu li jridu jrażżnu l-ġenn tal-kostruzzjoni.