Il-Qorti tiċħad l-appell ta’ Bezzina, iżda jisħaq li l-PL gideb fuqu

Il-Qorti m'aċċettatx l-appell tal-kandidat għal Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Toni Bezzina, dwar artiklu li kien deher fl-2012 fil-gazzetta Kullħadd. Minkejja dan Bezzina enfasizza li l-Partit Laburista gideb dwaru.
Il-każ idur ma' libelli ta' Bezzina kontra l-Kullħadd, li fl-2012 kiteb li Bezzina bagħat ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xi xogħol f'każin Nazzjonalista ż-Żurrieq
Fi stqarrija, il-PL qal li l-Qorti kkonfermat li Bezzina abbuża minn kariga pubblika u li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia jrid jifhem li mhemmx aktar libelli li warajhom jista’ jinħeba.
Skont il-PL, il-Qorti tal-Appell ikkonfermat il-fatti f’każ serju li protagonist fih kien hemm Toni Bezzina, deputat tal-Partit Nazzjonalista u li llum huwa kandidat għall-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-PL spjega li Toni Bezzina abbuża mill-irwol tiegħu fis-settur pubbliku meta bagħat ħaddiema tal-Gvern jagħmlu xogħol fuq każin tal-PN. Il-partit qal li Bezzina kien ġiegħel ħaddiema jiffirmaw dikjarazzjoni falza u sfurzata biex jaħbi dan il-każ.
Fi kliem il-PL, il-ħaddiema ffirmaw din id-dikjarazzjoni frott il-biża’ mis-superjur tagħhom Bezzina.  Il-PL kompla jgħid li dakinhar, il-Kap ta-Partit li kien Simon Busuttil kien inħeba wara l-libelli biex ma jiħux deċiżjonijiet immedjati dwar id-deputat tiegħu.
Il-PL temm jgħid li issa l-Qorti kkonfermat li dak irrapportat kien fattwali u li Toni Bezzina abbuża minn kariga pubblika.
“Il-Qorti kkonfermat li l-PL gideb fuqi” – Toni Bezzina
F’reazzjoni għal dan, Toni Bezzina qal li  fl-ewwel kawża, l-istess Qorti kkonfermat li f’artiklu minnhom, il-PL gideb fuqu.
Skont Bezzina, inkjesta interna li kienet saret dwar il-każ kienet ikkonfermat li ebda ħaddiem ma kien għamel xogħol fil-ħinijiet tax-xogħol, kif ukoll li kien hu li ħallas minn butu għall-materjal. Sostna li dan ma ġiex miċħud mill-Qorti.
Toni Bezzina spjega li fil-kawża tal-appell għal-libell, il-Qorti ma laqgħetx it-talba li kien ressaq is-sena li għaddiet. Dan għaliex fi kliemu, dehrilha li l-artiklu inkwistjoni kien ta’ interess pubbliku. Qal li b’hekk issa l-istess Qorti tal-Appell ippreseduta mill-istess Imħallef iddeċidiet żewġ kawżi separati dwar l-istess każ.