“Il-powerstation il-ġdida hija monument ta’ korruzzjoni” – Marthese Portelli

Il-Kelliema għall-Enerġija fi ħdan il-Partit Nazzjonalista (PN), Marthese Portelli, qalet li l-powerstation il-ġdida hija monument tal-korruzzjoni.
Hija kienet qed titkellem dwar l-inawgurazzjoni tal-powerstation f’Delimara li mhux se tkun qed taħdem bil-heavy fuel oil iżda bil-gass.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-kandidat għall-elezzjoni ġenerali, Mark Anthony Sammut, Portelli qalet li l-Gvern biegħ l-Enemalta għal €320 miljun u l-bniedem li nnegozja miegħu min-naħa Ċiniża, Chang Chen, ukoll inqabad b’kumpanija sigrieta miftuħa mill-konsulent tal-Prim Ministru fil-British Virgin Islands. 
Kompliet tgħid li l-fatt li dan il-ftehim ġie nnegozjat mill-Ministru Konrad Mizzi li fetaħ kumpanija fil-Panama bil-ħsieb li jitfa’ €1 miljun fiha fis-sena, iqajjem suspetti dwar kemm fil-verità dan il-ftehim sarx biex igawdi l-poplu jew xi kont jew but ta’ xi ħadd.
Hija sostniet li dan il-ftehim hu wieħed korrott ukoll, għax il-Gvern intrabat jixtri l-elettriku għal 18-il sena mill-Electrogas, anki jekk il-pajjiż ma jkollux bżonnu, u dan b’rati kważi d-doppju ta’ dawk li jitħallsu llum mill-interconnector.
Temmet tgħid li l-PM llum jiftaħar bi tliet pilastri tal-enerġija li kienu tal-PN daqslikieku kienu tiegħu. Dawn huma l-BWSC, l-interconnector, u l-pipeline.