Il-POU titlob djalogu biex il-pulizija jitħallew ikollhom tpinġija u daqna

Il-Police Officers Union qed titlob biex jerġa’ jitqajjem mill-ġdid id-djalogu biex il-pulizija jitħallew ikollhom tpinġija u daqna.

Dan ħareġ waqt laqgħa li kellha l-union ilbieraħ mal-Ministru għall-Intern Byron Camilleri. Hemm iddiskutew il-progress fuq il-miżuri li kienu tressqu fil-passat kif ukoll proposti ġodda. Dwar it-talba li l-pulizija jitħallew ikollhom daqna jew tpinġija, il-partijiet qablu li jridu jitħejjew linji gwida ċari fuq kif għandha tkun l-apparenza tal-pulizija.

Huma tkellmu wkoll dwar punti oħrajn, fosthom il-bżonn li jkun hemm żieda fir-riżorsi umani. Iddikutew il-bżonn li ssir riforma tad-dmirijiet tal-Pulizija tad-distrett, b’mod speċifiku ċertu xogħlijiet li jistgħu faċilment isiru minn entitajiet oħra biex il-Pulizija jkunu jistgħu jiffokaw ir-riżorsi tagħhom fuq xogħol pulizjesk. Huma ressqu wkoll proposta biex ikunu emendati s-sitwazzjoni attwali tal-allowances fid-distretti u din tiġi f’livell mal-allowances tal-kollegi tagħhom stazzjonati fi skwadri speċjalizzati.

Il-POU infurmat lill-Ministru bis-sitwazzjoni kurrenti fejn membri tal-korp qed jistennew xhur twal għal pagamenti tal-extra duties. Ir-rappreżentanti tal-union ressqu proposta biex ikun hemm mekkaniżmu li l-Pulizija jkunu mħallsa tal-extra duties tagħhom b’mod regolari b’xahrejn b’lura.

Komplew jiddiskutu wkoll is-sitwazzjoni tal-pensjonijiet relatata mal-anomalija li nħolqot fl-aħħar ftehim settorjali. Iddiskutew il-proposta li l-union ressqet lill-POU quddiem il-Prim Ministru Robert Abela, fejn pulizija li jkun għalaq il-25 sena servizz fi ħdan il-korp, ikollu l-possibiltà jibqa’ jservi fil-korp u jibda jirċievi l-pensjoni fl-istess ħin.

Il-POU ressqet ukoll proposta ġdida biex għall-ewwel darba ikun hemm mekkaniżmu fejn il-pensjoni tas-servizz ma tibqax iffriżata, iżda tibda tiġi modifikata.

Intant huma tkellmu fuq it-taħriġ tal-pulizija, dan sabiex ikun hemm mekkaniżmu li jippermetti li l-membri tal-korp ikomplu l-istudju akkademiku tagħho biex eventwalment ikunu jistgħu jimplementaw it-tagħlim tagħhom direttament fil-Korp.

Il-bieraħ il-Kumitat tal-Police Officers' Union kellu laqgħa oħra pożittiva mal-Onorevoli Ministru tal-Intern DR. Byron…

Posted by Police Officers Union on Saturday, June 20, 2020