Il-post għax-shooting range intagħżel fi żmien il-PN

Id-deċiżjoni dwar is-sit u d-diskussjonijiet tekniċi dwar ix-shooting range fil-Busbesija fil-Mosta bdew fl-2010 u ntemmu fl-2012.
Hekk qal il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Ispapar Steve Petroni waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK.
Huwa kkonferma li d-diskussjonijiet biex ikun hawn shooting range nazzjonali bdew fl-2010, taħt il-Gvern preċedenti, id-deċiżjoni ttieħdet mid-Dipartiment tal-Artijiet fl-2012 u d-diskussjonijiet tekniċi ntemmu fl-istess sena.
Petroni qal li fl-2010 kienu ngħataw ir-rekwiżiti biex għaqdiet barranin tal-isparar jiġu Malta u b’hekk jiġi attirat turiżmu sportiv.
Qal li dan l-iżvilupp kien stmat li jlaħħaq mas-€26 miljun u kien hemm kumpanija li kienet lesta li tinvesti flimkien mal-Gvern.
Iddeskriva kif il-periti tal-kumpanija kienu f’konsultazzjoni mal-għaqdiet sportivi biex jiġi individwat l-aħjar post u wara li saru konsultazzjonijiet mal-MEPA, l-OPM u d-Dipartiment tal-Artijiet ħareġ li s-sit li jolqot ir-rekwiżiti kollha kien il-Busbesija fil-Mosta u għalhekk is-sit ideali.
Steve Petroni qal li għal shooting range li jattira għaqdiet internazzjonali hawn bżonn li jkun kbir bejn 100 u 120 tomna art.
Sostna li jridu jingħataw servizzi oħra abbinati u jekk hawn siti bl-istess kobor ma jilħqux ir-rekwiżiti meħtieġa.
Il-Provinċjal tal-Ġiżwiti Fr Patrick Magro spjega li qatt ma ġew ikkonsultati dwar dan il-proġett.
Qal li d-dar tal-irtiri Mount St Joseph, li tinsab fis-sit, ilha mibnija 50 sena.
Huwa ddeskriva l-post bħala l-pulmun tal-Mosta u li jbiddel il-ħajja tan-nies.
Fr Patrick Magro saħaq li f’Malta m’hawnx post ieħor bħal Mount St Joseph li jilqa’ ammont kbir ta’ nies u f’sit daqshekk għall-kwiet.
Qal li n-nies tal-Mosta huma inkwetati bil-ħoss li se jiġġenera dan ix-shooting range għaliex l-iżvilupp se jkun kbir daqs 14-il grawnd tal-futbol u se jkun qed jikkonsisti f’sitt shooting ranges.
Qal li l-ħoss tista’ tnaqqsu iżda mhux tneħħiħ għal kollox.