Il-post fejn l-insara sofrew il-vjolenza sar post ta’ pellegrinaġġi

Il-vittmi tal-vjolenza kontra l-insara li saru fl-istat ta’ Orissa fl-Indja, fl-2007 u l-2008, huma xhieda awtentika ta’ fidi li llum qed jispiraw eluf ta’ persuni kemm fl-Indja kif ukoll minn pajjiżi oħra.  Dan qalu l-Arċisqof John Barwa, il-Kap tal-Arċidjoċesi fl-istat ta’ Orissa.
Id-distrett ta’ Kandhamal fejn kienu seħħew diversi atti vjolenti, illum sar post ta’ pellegrinaġġi fejn wieħed jista’ jisma testimonjanzi ta’ persuni li skappaw minn dawk il-ħruxijiet u juri solidarjeta’ mal-vittmi li huma nies foqra ħafna ekonomikament imma sinjuri fil-fidi u l-ispirtwalita, sostna l-Isqof.
Fil-jiem li għaddew, delegazzjoni ta’ 45 mara minn 14-il reġjun Indjan differenti ħadu sehem f’konferenza nazzjonali msejjħa mill-Isqfijiet, bit-tema “Ir-Rwol tal-Mara fil-Ħolqien tal-Familja”.  Il-konferenza saret f’Kandhamal.
Mons. Jacob Mar Barnabas, li mexxa d-delegazzjoni qal “żorna l-art tal-martri u ksibna esperjenza qawwija ta’ fidi li rridu naqsmuha ma’ oħrajn. Dawn in-nies għandhom bżonn is-solidarjeta’ tagħna. Aħna qsamna l-weġgħat u s-sofferenzi tagħhom.  Dawn in-nies refgħu s-salib ma’ Kristu. Aħna wkoll imsejjħa biex ngħixu u nipproklamaw, bħan-nies ta’ Kandhamal, li Kristu hu Alla. L-esperjenza ta’ dawn in-nies hi importanti ħafna, partikolarment għal Indjani żgħażagħ”, qal Barnabas.
“Aħna msejħa biex ma nkunux biss spettaturi.  Quddiem dawn in-nies li urew kuraġġ kbir biex iddefendew il-fidi mhux biżżejjed li nuru simpatija u nisimgħu l-istejjer tagħhom u ngħinuhom jibnu mill-ġdid ħajjithom. Dan hu li trid tagħmel ilKnisja fl-Indja”, żied jgħid Mons Barnabas.
“Żewġi ssagrifika ħajtu biex ma jiċħadx lil Kristu. Is-sagrifiċċju tiegħu saħħaħni fil-fidi u f’Alla. Kull nifs li nieħu llum hu nifs ta’ fidi f’Alla li żewġi ta’ xiehda tiegħu b’ħajjtu stess”, qalet l-armla ta’ Parikit Nayak, nisrani li kien attakkat u torturat minn militanti Hindu.
Sister Bibiana Barla li ħadet sehem fil-konferenza qalet li ħafna min-nisa li attendew urew ix-xewqa li jgħinu lil din il-komunita’ fqira kemm ekonomikament kif ukoll materjalment.