Il-posponiment tal-Kunsilli hija mossa oħra favur il-kaċċaturi – Birdlife

Birdlife Malta qed tappella lill-poplu Malti biex jieħu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-posponiment tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali sal-2019.
L-għaqda qed tgħid li l-Maltin għadhom juru t-tħassib tagħhom għal dik li ddeskriviet bħala mossa li taġevola lill-kaċċaturi.
Fi stqarrija, Birdlife Malta qalet li l-mira tal-Gvern, li jipposponi dawn l-elezzjonijiet, hija li ma jkunx hemm konkorrenza kbira għar-referendum abrogattiv dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.
Mark Sultana qal li Birdlife kkonkludiet li r-raġuni għal dan il-posponiment hija biex ir-referendum jinfired mill-elezzjonijiet tal-Kunsilli u dan biex inqas nies imorru jivvutaw.
Qal li f’kull pajjiż demokratiku, il-Gvern għandu jinkoraġġixxi u mhux jiskoraġġixxi lill-votanti milli jmorru jivvutaw.
Sultana fakkar kif il-President tal-FKNK, Joe Perici Calascione kien enfasizza li r-referendum dwar il-kaċċa m’għandux isir flimkien mal-elezzjonijiet tal-Kunsilli.
Filwaqt li l-Koalizzjoni kontra l-Kaċċa fir-Rebbiegħa tħoss li n-nies se jkunu motivati li jsemmu leħinhom f’dan ir-referendum, Birdlife Malta tqis li din hija mossa oħra tal-Gvern biex jintgħoġob mal-kaċċaturi.