Il-Portugall jindaga jekk is-suspettat Ġermaniż kellux rekord kriminali fil-pajjiż

REUTERS/Andrew Winning

L-uffiċċju tal-prosekutur fil-Portugall qal ilbieraħ li se jkun qed idur id-dokumenti tiegħu biex jara jekk is-suspettat Ġermaniż fil-każ ta’ Madeleine McCann kellux rekord kriminali. McCann kienet sparixxiet fin-Nofsinhar tar-reġjun Algrave fl-2007.

Il-Ġermanja qed tinvestiga raġel Ġermaniż ta’ 43 sena b’suspett ta’ qtil. Dan ħareġ mill-prosekutur tal-istat ta’ Braunschweig il-Ħamis. L-avukat Jan-Christian Hochmann ikkonferma lil Reuters ilbieraħ li kien qed jirrappreżenta lis-suspettat, imsemmi bħala Christian B., iżda rrifjuta li jagħti kummenti.

Il-Pulizija Ġermaniża qalet l-Erbgħa li s-suspettat kien jgħix f’Algrave bejn l-1995 u l-2007 u li kien jaħdem fl-industrija tal-catering fl-istess waqt li kien jisraq minn appartamenti u jbigħ id-drogi. Is-suspettat kien qed iservi sentenza l-ħabs fuq reat separat.

Il-Ġimgħa, l-uffiċċju tal-prosekutur ġenerali fil-Portugall qal li ma kien hemm l-ebda rekords ta’ kriminalitajiet imwettqa mis-suspettat f’Algrave. Minkejja dan, ilbieraħ, speċifikament minħabba dokumenti mill-Qorti Ġermaniża li jgħidu li kellu arresti fil-Portugall u wara x-xhieda tiegħu f’Qorti Ġermaniża ta’ minn tal-inqas żewġ każi ta’ serq, l-uffiċċju tal-prosekutur qal li se jkunu qed jirrevedu t-tfittxijiet tagħha.

Il-prosekutura Ġermaniżi qalu l-Ġimgħa li l-unika rekords li kellhom tas-suspettat kienu ħames talbiet għall-kooperazzjoni internazzjonali ġudizzjarja, b’minn tal-inqas waħda minnhom b’rabta mal-każ ta’ McCann. Huma ma kkonfermawx jekk ir-raġel qatt kien investigat fil-Portugall b’relazzjoni mal-każ ta’ McCann.

McCann, ta’ tliet snin, sparixxiet mil-kamra tas-sodda tagħha fit-3 ta’ Mejju tal-2007 waqt li l-ġenituri tagħha kienu qed jieklu ma’ xi ħbieb fil-viċinanzi, fir-resort Praia da Luz. Il-każ kien qajjem ħidma ta’ tiftix internazzjonali.

Il-prosekutur tal-istat ta’ Braunschweig qal il-Ħamis li s-suspettat kien akkużat b’reati sesswali, inkluż abbuż sesswali fuq tfal. L-awtoritajiet qed jassumu li t-tifla hija mejta, iżda ġisimha qatt ma nstab.