Il-Portugall jiddiskuti ‘pont fl-ajru’ għat-turiżmu mar-Renju Unit.

Read in English.

Il-Portugall u r-Renju Unit jinsabu f’taħdidiet sabiex jippruvaw joħolqu ‘kuritur fl-ajru’ għat-turisti b’mod li dawk li jkunu qed jirritornaw lura l-Ingilterra ikunu jistgħu jevitaw il-kwarantina, skond żewġ sorsi Portugiżi li jinsabu familjari mas-sitwazzjoni.

L-ekonomija tal-Portugall, li tiddependi ħafna mit-turiżmu, intlaqtet ħażin ħafna mill-pandemija u mill-lockdowns li kellhom jidħlu fis-seħħ, u l-awtoritajiet qed jippruvaw isalvaw parti minn dan l-istaġun tas-sajf kritiku.

Mit-8 ta’ Ġunju, ir-Renju Unit, li huwa s-sors ewlieni ta’ turiżmu għall-Portugall, se jintroduċi kwarantina għall-vjaġġaturi kollha li jaslu minn barra, inklużi dawk mill-Ingilterra stess u dawn kollha se jkollhom jiżolaw ruħhom għal 14-il ġurnata. 

Fl-2019, iżjed minn 16-il miljun turist żar il-Portugall, 20% minnhom mir-Renju Unit.

Il-gvern qed ifittex dan il-‘kuritur fl-arja’ kemm għat-turisti Portugiżi li jżuru r-Renju Unit u viċi-versa, u qed jittama li r-rata baxxa ta’ każijiet ta’ coronavirus, meta mqabbla ma’ dik fi Spanjau r-Renju Unit, kapaċi tagħmel tajjeb għat-turiżmu.

L-imwiet fil-Portugall li laħħqu l-1,330 u t-30,788 każ, huma ċifri żgħar meta mqabbla ma’ Spanja li kellha kważi 27,000 mewta u ‘l fuq minn 235,000 infettati.

Is-settur tat-turiżmu jgħodd mal-15% tal-prodott gross domestiku tal-Portugall u kien strumentali biex il-pajjiż qam fuq saqajh wara l-kriżi ekonomika ta’ bejn l-2010 u l-2014.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn