Il-Portugall iddaħħal xi miżuri ta’ lockdown f’Lisbona

REUTERS/Rafael Marchante

Nies li joqgħodu f’parti minn Lisbona mill-ġimgħa d-dieħla se jerġa’ jkollhom joqgħodu d-dar hekk kif l-awtoritajiet Portugiżi qed ikollhom jaffaċċjaw mewġa ta’ coronavirus fl-inħawi ta’ barra tal-belt, skond kif tħabbar mill-gvern nhar il-Ħamis.

Dawk li joqgħodu fiż-żoni affettwati tal-kapitali – b’kollox 19-il parroċċa ċivili li ma jinkludux il-parti t’isfel ta’ Lisbona – se jkunu jistgħu joħorġu mid-dar biss biex jixtru affarijiet essenzjali bħal ikel u mediċini u biex imorru x-xogħol. 

“L-uniku mod effettiv sabiex tkun kontrollata din il-pandemija hu li wieħed jibqa’ d-dar kemm jista’ jkun, li jżomm id-distanza fiżika l-ħin kollu u li dejjem iżomm livell ta’ protezzjoni u iġjene,” qal il-Prim Ministru Antonio Costa waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet.

Il-miżura se tidħol fis-seħħ mid-29 ta’ Ġunju sat-12 ta’ Lulju u mbagħad tkun riveduta skond dokument imfassal mill-Gvern.

Fid-19-il żona se jkun hemm limitu ta’ ħamsa minn nies li jistgħu jiltaqgħu f’gruppi, imqabbel ma’ 10 fiċ-ċentru ta’ Lisbona u 20 fil-kumplament tal-pajjiż. 

L-aħbar tal-Ħamis waslet wara li l-gvern nhar it-Tlieta daħħal restrizzjonijiet li jinkludu ordni biex l-ispazji kummerċjali fiċ-ċentru ta’ Lisbona, minbarra ristoranti, jagħlqu kuljum fit-8 ta’ filgħaxija.

WISQ NIES FUQ IT-TREN

Se jibda’ jkun hemm ukoll iżjed pulizija jwettqu patrols sabiex jiżguraw li n-nies qed jobdu r-regolamenti u dawk li ma jħarsuhomx, se jkunu kkastigati, qal Costa. 

Il-Portugal, li rrapporta total ta’ 40,415 każ u 1,549 mewta kawża tal-coronavirus, kien meqjus bħala storja ta’ suċċess fil-ġlieda kontra l-pandemija. Fil-fatt beda jħaffef il-lockdown fl-4 ta’ Mejju. 

Għaldaqstant, xorta baqa’ jkun hemm każi f’żoni foqra u dawk industrijali, kif ukoll b’riżultat ta’ festini u briju fuq il-kosta, li wassal għal żieda fir-rata ta’ każi matul dan l-aħħar xahar.

Hekk kif ħafna trejnijiet u karozzi tal-linja dieħlin u ħerġin miċ-ċentru ta’ Lisbona dehru ppakkjati bin-nies, dan qajjem allarm fejn ħafna qed jitfgħu il-ħtija tal-ħafna każi ġodda fuq it-trasport pubbliku.