Il-Portugall ‘dispjaċut’ bid-deċiżjoni tal-Ingilterra li tneħħiha mill-kwarantina

/Guglielmo Mangiapane

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall qal li jinsab dispjaċut wara d-deċiżjoni tal-Ingilterra nhar il-Ħamis, li terġa’ timponi sistema ta’ kwarantina għal vjaġġaturi mill-Portugall. Din id-deċiżjoni kellha impatt tassew negattiv fuq il-pajjiż li huwa dipendenti ħafna fuq it-turiżmu.

“Jiddispjaċina li l-Ingilterra ħadet id-deċiżjoni li teskludi lill-Portugall mil-lista ta’ pajjiżi li huma eżentati mill-perjodu ta’ kwarantina,” qal kelliem għall-ministeru fuq Twitter. “Madankollu napprezzaw li l-gżejjer ta’ Azores u Madeira baqgħu fuq il-lista.”

Aktar kmieni nhar il-Ħamis, Grant Shapps, il-Ministru għat-Trasport tar-Renju Unit, ħabbar li kull min jasal fl-Ingilterra mill-Portugall, apparti r-reġjuni tal-Azores u Madeira, wara l-4:00 ta’ filgħodu nhar is-Sibt se jkollu jibqa’ fi kwarantina mandatorja għal 14-il ġurnata.

Il-Portugall kien eskluż minn fuq il-lista tal-kwarantina mandatorja għal perjodu ta’ tliet ġimgħat biss, imma żieda inkwetanti fil-każijiet ta’ Covid-19 fil-pajjiż li jinsab fin-nofsinhar tal-Ewropa, ġegħlet lill-awtoritajiet biex jerġgħu jistabbilixxu din ir-regola.

Il-kelliem għall-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Portugall qal ukoll fuq Twitter li “ir-regoli tas-saħħa u l-effettività tas-servizz tas-saħħa nazzjonali tal-pajjiż ippermettew li aħna nikkontrollaw l-effetti tal-pandemija.”

Il-Portugall, li rrapporta 62,126 każ s’issa, għall-ewwel kien imfaħħar għar-rispons tiegħu fil-konfront tal-pandemija, imma l-għadd ta’ każijiet reġa’ beda jiżdied, u l-awtorità tas-saħħa rrappurtat 585 infezzjoni ġdida nhar il-Ħamis, l-aktar fiż-żona ta’ madwar Lisbona u r-reġjun tat-tramuntana.

Mill-15 ta’ Settembru, il-pajjiż kollu se jitpoġġa fi stat ta’ kontinġenza, jiġifieri laqgħat se jkunu limitati għal 10 persuni u l-istabbilimenti kummerċjali jridu jagħlqu bejn it-8:00 u l-11:00 ta’ bil-lejl.

L-industrija tat-turiżmu fir-reġjun tal-Algarve, fin-nofsinhar tal-Portugall, destinazzjoni popolari mal-vjaġġaturi Ingliżi, intlaqtet tassew ħażin mir-regola tal-kwarantina, u diversi negozji qed ibatu biex ikomplu joperaw.

Joao Fernandes, il-kap tal-awtorità tat-turiżmu f’Algarve, tkellem f’intervista ma’ SIC Television u qal li d-deċiżjoni tal-Ingilterra “se jkollha impatt konsiderevoli” fuq ir-reġjun, imma żied jgħid ukoll li din kienet deċiżjoni mistennija. 

L-Ungerija, il-French Polynesia u Reunion ukoll tneħħew mil-lista sikura għall-ivjaġġar tal-Ingilterra, filwaqt li mal-pajjiżi sikuri żdiedet l-Isvezja.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, seba’ gżejjer Griegi ġew miżjuda mal-lista ta’ kwarantina obbligatorja tal-Ingilterra.

In-nazzjonijiet li jikkostitwixxu r-Renju Unit għandhom erba’ politiki differenti ta’ kwarantina. Il-Portugall kien diġà tpoġġa fuq il-lista ta’ Wales u tal-Iskozja aktar kmieni dan ix-xahar.