Il-popolazzjoni qabżet l-460,000 persuna resident f’Malta

Estimi ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li sal-aħħar tas-sena 2016, f’Malta kien hawn 460,297 resident. Juru wkoll li mill-2012, il-popolazzjoni f’Malta żdiedet b’madwar 10,000 kull sena.
35.8% tal-popolazzjoni għandhom inqas minn 18-il sena jew għandhom iktar minn 65 sena. Dan ifisser li 64.2% għandhom bejn 18 u 65 sena.
Il-life expectancy kkalkulata mill-istess uffiċċju turi li f’Malta, l-irġiel huma stamti li jgħxu sa 80.6 snin filwaqt li għan-nisa din titla’ għal 84.4 snin.
54,321 persuna barranija qed joqogħdu f’Malta. Dan ifisser li 11.8% tal-popolazzjoni huma barranin.
17,051 persuna barranija ġew joqogħdu Malta fl-2016. Dan ifisser li r-rata tal-immigrazzjoni kienet ta’ 6.5% tal-popolazzjoni filwaqt li r-rata ta’ emigrazzjoni minn Malta żdiedet kull sena biex fl-2016 kienet ta’ 1.8% tal-popolazzjoni. Fiż-żewġ każijiet, l-irġiel huma stamti li jiċċaqalqu minn pajjiż għall-ieħor aktar milli n-nisa.