“Il-popolazzjoni kollha se tkun tista’ titlaqqam kontra l-Covid-19” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li l-ħidma tiegħu se tkun iffukata biex iġib il-popolazzjoni kollha mlaqqma kontra l-Covid-19.

Il-PM qal dan f’kollegament telefoniku fuq One Radio, ir-radju tal-Partit Laburista fejn tkellem dwar it-tħabbira tal-bieraħ mid-Deputat PM Chris Fearne fejn qal li Malta se jkollha 330,000 doża biex jingħataw lill-vulnerabbli u lill-frontliners malli din tiġi żviluppata. Stqarr li din kienet deċiżjoni ta’ xahrejn u nofs ilu.

Huwa qal li l-ħidma issa se tkompli biex kif il-vaċċin jinstab, il-popolazzjoni kollha tkun tista’ tieħu l-vaċċin.

“Miżuri kkalibrati favur is-saħħa u l-ekonomija”

Qal li Malta kienet iffukata b’kull mod biex tiġġieled il-pandemija iżda fl-istess waqt intużaw “miżuri kkalibrati” biex l-ekonomija tibqa’ salvagwardjata fl-istess waqt li qal li l-prijorità tibqa’ s-saħħa.

Il-PM qal li jifhem il-kritika għal mod kif il-Gvern mexxa f’din il-kriżi iżda stqarr li persważ li l-mod kif ġiet immanġjata l-kwistjoni tal-Covid-19 kienet fost l-aqwa fid-dinja.

Spjega li l-Gvern investa bis-saħħa fl-ammont ta’ Swab Testing li sar permezz ta’ allokazzjoni ta’ fondi għat-tgħamir u l-professjonisti tas-saħħa biex iwettqu dawn it-testijiet. Huwa fisser il-proċess ta’ Malta biex żdied l-ittestjar f’perjodu fejn il-firxa tal-pandemija wasslet lill-pajjiżi oħra biex inaqqsu l-ittestjar.

“L-Oppożizzjoni ħsiebha biex tifxkel”

Il-PM qal li sa mill-bidu tal-pandemija l-Oppożizzjoni kienet ħsiebha biex tfixkel. Staqsa x’kien jiġri li kieku kien il-PN li mexxa lill-pajjiż minn Marzu sal-lum. Spjega li f’mument tal-pandemija fejn hemm bżonn l-għaqda, il-PN għażel li jmur għal elezzjoni għal Kap f’mument delikat għall-pajjiż.

Qal li segwa liż-żewġ persuni u stqarr li m’għandhom l-ebda viżjoni għall-pajjiż. Spjega li mill-argumenti tagħhom qed juru li m’għandhom l-ebda profondità fil-ħsieb. Fakkar ukoll kif madwarhom se jkollhom l-istess nies li skont il-PM, wasslu lill-Oppożizzjoni fis-sitwazzjoni ħażina li jinsab illum.

“Il-Covid Wage Supplement żammet in-nies f’impjieg”

Il-PM tkellem ukoll dwar l-għajnuna tal-Covid Wage Supplement fejn stqarr li din żammet in-nies fl-impjieg. Il-PM qal li din ġiet ikkonfermata minħabba li għall-ħames ġimgħa konsekuttiva l-qagħad kompla jonqos. Fisser ukoll li permezz ta’ din l-inizjattiva ntlaħqu mal-81,000 impjegat.

Semma li din il-ġimgħa l-Gvern nieda r-rifużjoni tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji għax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru. Spjega li permezz ta’ dan, in-negozji b’ħanut wieħed jistgħu jirċievu ta’ massimu ta’ €4,000, b’€1,500 għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma u  €2,500 għall-kirja tal-post.

Tul l-intervista qasira, il-PM stqarr li se jkompli jaħdem b’serjetà, dixxiplina u trasparenza, l-istess mod kif skontu ħadem fuq il-kiwstjoni tar-rule of law.