Il-popolazzjoni Awstraljana qed tinbidel u ssir anqas reliġjuża

Il-popolazzjjoni fl-Awstralja qed tinbidel b’rata mgħaġġla bil-popolazzjoni Asjatika fil-pajjiż tkompli tikber tant li kważi 30 fil-mija tal-popolazzjoni jgħidu li ma jħaddnu ebda reliġjon u anqas minn terz tal-poplu għandu d-dar fejn jgħix, proprjeta’ tiegħu.
Dan joħroġ minn ċensiment  li sar madwar il-pajjiż kollu, li r-riżultati tiegħu kienu mxandra fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
F’ċensiment simili li kien sar fl-1966, kienu biss 0.8% tal-popolazzjoni li ddikjaraw li ma jappartjenu għall-ebda reliġjon, iżda issa dan in-numru kiber għal 29.6%. Din iċ-ċifra hi d-doppju ta’ dik li kienet fl-2001 meta 16% kienu stqarrew li ma kellhom ebda reliġjon.  Dawl li qalu li ma għandhomx reliġjon jinkludu l-atei, sekularisti u anjostiċi.
Mill-1966 ‘l hawn il-proporzjoni mill-poplu Awstraljan li jidentifikaw lilhom infushom bħala insara, niżlet minn 88.2% għal 52.1%.
Din il-bidla sinjifikanti hi dovuta għall-fatt li llum il-popolazzjoni tal-Awstralja ma hiex ġejja predominantement minn pajjiżi Ewropej imma minn pajjiżi Asjatiċi l-aktar iċ-Ċina, l-Indja u l-Filippini.
Iċ-ċensiment wera wkoll li minkejja t-tħassib li kien intwera dwar l-istituzzjoni taż-żwieġ,  il-proporzjon ta’ Awstraljani li huma miżżewġa, separati jew qatt ma żżewġu, ma nbidlitx minn kif kienet fl-2011.
Fil-fatt, 48.1% minn dawk li għandhom aktar minn 15-il sena huma miżżewġa filwaqt li 8.5% huma divorzjati filwaqt li hemm  3.2% li huma separati u 5.2% li qatt ma żżewġu.
Hemm 44.7% tal-familji li għandhom it-tfal filwaqt li 37.8% huma koppji bla tfal u 15.8% huma familji b’ġenitur wieħed.