Il-poplu tal-Venezwela ma jistax jibqa’ passiv

Meta fil-pajjiż hemm kriżi Kostituzzjonali, il-poplu tal-Venezwela ma jistax jibqa’ passiv, jgħix fil-biża’ u jitlef it-tama fil-futur, wara li l-Qorti Suprema tal-pajjiż neħħiet il-poter kollha tal-Parlament u ħadet f’idejha il-poteri leġislattivi.
Dan stqarrewh l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Venezwela filwaqt li ħeġġew lill-poplu biex b’mod serju u responsabbli jistaqsi lilu nnifsu jekk għandux jibda kampanja ta’ disubbidejnza ċivili permezz ta’ dimostrazzjonijiet paċifiċi u ilmenti ġusti indirizzati lit-tmexxija tal-pajjiż u lill-komunita’ internazzjonali.
Id-deċiżjoni tal-Qorti suprema kienet kritikata madwar id-dinja kollha u ħafna qiesu din id-deċiżjoni bħala pass lejn id-dittatura.  Fil-fatt bid-deċiżjoni tagħha il-Qorti eliminate il-Parlament li hu l-unika istituzzjoni fil-pajjiż dominat mill-Oppożizzjoni.
L-Isqfijiet fissru din id-deċiżjoni bħala waħda “moralment inaċċetabbli u ta’ stmerrija” u ddeskrivewha bħala mixja lejn il-preċipizzju tad-dittatura. “Pajjiż bla Parlament qisu ġisem bla ruħ. Mejjet. Fejn kull possibilta’ ta’ opinjoni differenti minn dik ta’ dawk fil-poter, sparixxiet. Dan jiftaħ il-bieb għal deċiżjonijiet arbitrarji, korruzzjoni u persekuzzjoni”, sostnew l-isqfijiet kattoliċi.
Kmieni il-ġimgħa li għaddiet, il-President Nicolas Maduro iddikjara l-Ġimgħa Mqaddsa kollha bħala vaganza pubblika.
F’memorandum li ppubblikaw it-tmien isqfijiet li jiffurmaw il-Konferenza Episkopali ħeġġew lill-Kattoliċi biex josservaw iċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tal-Għid bħala sinjal ta’ tama, ferħ u solidarjeta’.  Żiedu jgħidu li għall-Kattoliċi it-tifkira tal-abbużi li sofra Ġesu’ Kristu għandha tkun sejħa urġenti għall-kuxjenza biex jaġixxu b’mod paċifiku imma b’saħħtu kontra l-abbużi tal-poter.
Barra l-kriżi politika l-Venezwela għandha inflazzjoni ta’ 800% filwaqt li l-ekonomija naqset bi 18.6%. 96% tal-ekonomija tal-pajjiż hi bażata fuq l-esportazzjoni taż-żejt. Hemm nuqqasijiet kbar ta’ ikel u mediċinali. Ħafna foqra jgħaddu siegħat sħaħ barra l-ispiżeriji u supermarkets, jisennew li jaslu xi provvisti u oħrajn jidhru ifittxu l-ikel fl-iskart mitluq fit-toroq.
Hu rappurtat li madwar 20 persuna sfaw feruti, fosthom uħud b’tiri ta’ armi tan-nar f’saqajhom filwaqt li 18 oħra kienu arrestati wara protesta li saret il-gimgħa li għaddiet.