Awdjo: “Il-poplu l-wiċċ tal-kampanja tal-“Le” għall-kaċċa fir-rebbiegħa”

Tnediet il-kampanja bit-tema “Shout” jew “Għajjat le għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa permezz tal-vot tiegħek fir-referendum”.
Il-kelliem ewlieni Joseph Mangion qal li se jkun il-poplu Malti il-wiċċ ta’ din il-kampanja.
Sejjaħ dan bħala mument storiku u importanti għal sezzjoni kbira tal-poplu Malti, li għal ħafna snin ilu mdejjaq bis-sitwazzjoni tal-kaċċa f’Malta, partikolarment dik tar-rebbiegħa.
Mangion appella lil kulħadd sabiex naħdmu ħalli tliet xhur oħra Malta tgħid li rnexxielha tagħmel xi ħaġa tajba għall-għasafar u għall-kampanja Maltija.
Sostna li mhuwiex ġustifikat li ssir kaċċa fuq il-gamiem u s-summien għax “il-kaċċaturi għandhom 5 xhur oħra li fihom jistgħu jagħmlu l-kaċċa fuq dawn l-għasafar.” 
Spjega li l-għasafar li jgħaddu minn Malta fir-rebbiegħa huma l-aktar għasafar b’saħħithom, u għaldaqstant ma tagħmel l-ebda sens li dawn jinqatlu. Qal li Malta hija ħolqa mill-katina tal-ambjent fl-Ewropa u fid-dinja.
Tkellem ukoll dwar il-benefiċċji għall-bnedmin għaliex il-kampanja tkun isbaħ, u tista’ titgawda minn kulħadd “mingħajr il-biża’ li persuna li tkun fil-kampanja jaqa’ ċ-ċomb fuqha.” Kien għalhekk li ħeġġeġ lin-nies biex fil-11 t’April jivvotaw ‘Le’ għall-kaċċa fir-rebbiegħa.
Għamlet l-intervent tagħha Moira Delia li qalet li bħala ċittadin, għandha dritt tesprimi l-opinjoni tagħha mingħajr ebda biża’.
Bħala attivista tal-annimali, qalet li tħoss li huwa d-dmir tagħha li tesprimi ruħha u għalhekk se tivvota ‘le’. Qalet li l-intimidazzjoni ma għandha ebda post f’din il-kampanja edukattiva.
Kelliem ieħor kien il-ġurnalist Saviour Balzan li qal li wasal iż-żmien li nkunu bħall-Ewropej l-oħra kollha.
Semma kif il-Maltin għandhom dritt japprezzaw il-kampanja bl-istess mod.
Qal li l-Maltin għandhom il-volontà li jagħmlu dak li l-politiċi ma kienux kapaċi jagħmlu, iżda fl-istess waqt jgħid li mhux faċli li n-nies jitħeġġu biex jivvutaw. Saħaq li mit-12 t’April li ġej, il-Maltin iridu jkunu fuq l-istess livell daqs l-Ewropej l-oħra kollha.
Balzan qal ukoll li l-fatt li l-partiti politiċi mhumiex qed jieħdu pożizzjoni uffiċjali u komuni, turi li kulħadd huwa fil-libertà li jivvota kif irid. 
Fl-awdjo tista' tisma' l-kumment dwar din il-kampanja li tat Moira Delia lil Newsbook.com.mt