“Il-poplu qed igawdi l-ewwel frott ta’ ħidma” – Il-PM

Il-Baġit 2016 iffoka fuq il-pensjonanti li permezz tiegħu l-pensjonanti se jkunu qed jieħdu żieda qal il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Waqt laqgħa politika fiċ-Ċentru Laburista fil-Belt Valletta, Dr Muscat qal li filwaqt li kien hemm min sab il-kritika fil-Baġit u saqsa għalfejn il-Gvern ma tax iktar, saħaq li ffokaw fuq il-pensjonanti għax kienu fil-periklu tal-faqar.
Spjega li 23,000 pensjonant se jieħu żieda ta’ €8 fil-ġimgħa, filwaqt li 1,000 armla, 1,000 impjegat li temmew xogħolhom bħala self-employed mhumiex se jkunu minsija, filwaqt li eluf ta’ nisa li tneħħilhom id-dritt tal-pensjoni mill-Gvern preċedenti, se jkollhom mill-ġdid il-pensjoni.
Qal li taw pensjoni lil nisa li waqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb lill-uliedhom.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jara l-frott hekk kif qed joħloq iktar ġid biex “iż-żerriegħa ssir siġra mimlija frott li tqassmu ma’ kulħadd”, b’ekonomija b’saħħitha u bil-familji u negozji jimxu ‘l quddiem.
Ħabbar ukoll li 160,000 persuna se tkun qed tgawdi minn tnaqqis fit-taxxa tad-dħul, €600 tnaqqis li fi kliemu huma riżultat tad-deċiżjonijiet tal-Gvern preżenti.
Miżura oħra tal-Gvern hi li meta persuna tasal biex tirtira u taħdem għal tliet snin oħra, din tieħu żieda fil-pensjoni.
Semma wkoll li studenti se jingħataw inċentiva biex ikomplu jistudjaw, u li dawk li jagħmlu Masters se jkollhom żieda fil-pensjoni jekk jagħmlu iktar snin jistudjaw.
B’referenza għal każ tal-eks ministru tas-saħħa Joe Cassar li allegatament ħalla xogħlijiet f’daru jsiru mill-fondi ta’ Nazzjonalist għal PN, Dr Muscat qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu xi jwieġeb. Hu allegat li x-xogħlijiet fid-dar ta’ Joe Cassar saru minn Joe Gaffarena. 
Il-Prim Ministru Joseph Muscat temm billi semma numru ta’ ħidmiet u bidliet li qed isiru, fosthom servizz ġdid f’Mater Dei għal min ikollu puplesija li s’issa salva seba’ persuni, li l-ħin ta’ stennija fis-sala tal-emerġenza naqas minn 13-il siegħa għal tliet sigħat u l-proġett ta’ restawr fil-Forti Sant’Iermu u fis-suq tal-Belt Valletta.

Reazzjoni PN
B’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat qed jinjora l-iskandli li qed jifnu l-Gvern, fosthom il-ħruġ ta’ 7,000 visa lill-Alġerini f’sena u nofs, u l-iskandlu tal-GWU li setgħet tikri l-proprjetà tagħha li suppost xtrat id-dritt tagħha.