Il-poplu Messikan juri l-fidi tiegħu

Il-Bażilika ta' Zapopan fil-Messiku

Il-fidi Kattolika tal-poplu Messikan kienet espressa b’mod pubbliku nhar il-Ħadd li għadda meta sar il-Pellegrinaġġ bil-Madonna ta’ Zapopan.  Madwar żewġ miljun persuna hu kalkulat li akkumpanjaw dan il-pellegrinaġġ devot li fih l-istatwa tal-Madonna tinġarr mill-Kattidral ta’ Guadalajara għall-knisja parrokkjali ta’ Zapopan.

Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES, il-pellegrinaġġ ilu jsir għal dawn l-aħħar 300 sena bla waqfien. Tul il-pellegrinaġġ ta’ disa’ kilometri, l-insara jitolbu r-rużarju, ikantaw u jfaħħru lill-Madonna.

Il-Kardinal Francisco Robles Ortega, Arċisqof ta’ Guadalajara u l-Isqof Emeritus Juan Sandoval Iniques, jakkumpanjaw lill-fidili tul il-pellegrinaġġ. Fil-bidu u fit-tmiem ta’ din il-manifestazzjoni Marjana, isir diskors qasir mill-Isqfijiet.

Il-Kardinal Ortega tkellem dwar ir-realtà tal-poplu Messikan li jistmerr l-abort u jappoġġja l-ħajja mill-mument tal-konċepiment. L-Isqof Iniguez qal li meta l-Kattoliċi ma jkunux koerenti mal-fidi tagħhom, l-awtoritajiet ċivili jaġixxu b’mod li jmur kontra l-libertajiet u l-interessi tal-familji.

Id-dritt għall-Ħajja

Waqt il-Quddiesa, il-Kardinal Robles qal li d-dritt għall-ħajja hu dritt fundamentali ta’ kull persuna. “L-ideoloġiji qed jippruvaw jimponu il-programm tagħhom fuq is-soċjetà u bil-mod il-mod qed jimminaw il-kuxjenzi b’mod li affarijiet żsiena jagħmluhom jidhru tajbin.”

B’riferenza għall-programm tal-Gvern, hu enfasizza li wieħed ma jistax jitkellem fuq ir-rifondazzjoni tal-pajjiż mingħajr il-Madonna.

Fl-aħħarnett, l-Arċisqof ta’ Guadalajara tkellem dwar ix-Xahar Missjunarju u kif dan hu marbut mal-Madonna. Enfasizza r-rabta kbira li teżisti bejn il-Verġni Marija u l-Knisja u kif il-Madonna hi mudell ta’ cirtù għall-komunità kollha. Sostna li fil-Misteru ta’ Marija u fuq l-eżempju tagħha, il-Knisja ssib l-identità u l-missjoni tagħha bħala omm, dixxiplu, u missjunarja.