“Il-poplu Malti qed jiġi trattat bħal mazzun” – Marlene Farrugia

Id-deputat indipendenti Marlene Farrugia qalet li l-poplu Malti qed jiġi trattat bħal mazzun u saħqet li l-Gvern qed jagħti r-rigali biex il-poplu Malti jegħda.
Fl-aġġornament tal-Parlament tal-lejla, Marlene Farrugia semmiet kif fl-1 ta’ Mejju se jkun hemm “show of force” fl-attività organizzata mill-Partit Laburista għal Jum il-Ħaddiem. Qalet li dan il-jum m’għandux jintuża biex persuna li qed timxi b’mod żbaljat tuża lill-massa Laburista biex mingħaliha turi lill-poplu li “Might is right”. Saħqet li l-1 ta’ Mejju għandu jkun verament ċelebrazzjoni tal-ħaddiem.
Sostniet li hi tixtieq li l-Gvern jitnaddaf waħdu u qalet li mhux gost u pjaċir tagħha li se jkollha tippreżenta mozzjoni ta’ sfiduċja f’Konrad Mizzi.
B’ton imqanqal, l-MP qalet li għandna Prim Ministru li għax jagħti l-ġugarelli, mingħalih li l-poplu ħa jinsa, mingħajr ma jinduna li kulħad jaf li l-Gvern qed jitlef il-kredibilità tiegħu u li r-rabja fost il-poplu dejjem qiegħda iktar tiżdied. Qalet li kulħadd jifhem il-ħsara li qed issir f’Malta meta għandek Prim Ministru li jittollera l-atteġġjament ta’ nies f’pożizzjoni daqshekk għolja fil-Gvern tiegħu.
Marlene Farrugia qalet kif ftit tal-ħin ilu smajna bir-riżenja tar-raba’ Kummissarju tal-Pulizija u qalet li din hi traġedja. Spjegat kif filwaqt li f’pajjiżi bħal El Salvador u l-Filippini, fejn meta tqajmet sitwazzjoni ta’ nies li kellhom kontijiet fil-Panama, il-Pulizija marret u investigat. Qalet li f’Malta ma smajna xejn minn dan u smajna biss li l-Kummissarju qatta’ l-karti u rriżenja.
Għamlet ukoll referenza għal persuni f’pożizzjoni għolja fi ħdan il-Partit Laburista u saħqet li dawn jitħallsu mit-taxxi tan-nies biex jużaw il-bloggs tagħhom biex jattakkaw lin-nies.