“Il-poplu Malti għadu jemmen fil-ħidma tad-Dar tal-Providenza”

Facebook - Fr Martin Micallef

Wara s-somma rekord li nġabret ilbieraħ waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata mid-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef qal li l-poplu Malti għadu jemmen fil-ħidma tad-Dar tal-Providenza.

Newsbook.com.mt ħa l-kummenti ta’ Fr Martin Micallef id-direttur tad-Dar tal-Providenza fejn qal li jinsab sodisfatt li lbieraħ inġabret is-somma rekord ta’ €1,275,442.

Permezz ta’ dawn il-flus, Fr Martin qal li apparti jkomplu jwieġbu għall-bżonnjiet individwali ta’ kull resident, qed jittama li tul din is-sena tinfetaħ il-ħames dar fil-komunità u jixtieq li jibdew il-pjanijiet għas-sitt dar. Huwa semma li hemm diversi xogħol ta’ infrasstruttura li jridu jsiru prinċipalment fid-dar li għandhom fil-komunità tas-Siġġiewi. Fr Martin qal li huma jimxu biċċa biċċa dejjem fl-interess tal-klijenti u dejjem hemm fejn wieħed jista’ jirranġa biex itejjeb is-servizz.

Min jixtieq jagħti donazzjoni lid-Dar tal-Providenza, jista’ jagħmel dan is-sena kollha. Huwa ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin kollha biex ikomplu jkunu ġenerużi ħalli jkunu jistgħu jleħħqu mal-ta’ dawn id-djar. Huwa semma li hemm diversi modi kif wieħed jista’ jgħin lid-dar tal-Providenza fosthom billi wieħed jista’ jmur id-dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, fl-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta, kif ukoll permezz ta’ bank transfer. Fr Martin għamel appell biex min jista’ jagħti ftit mill-ħin tiegħu jista’ jagħmel kuntatt mad-Dar tal-Providenza.