“Il-poplu jiddeċiedi skont it-track record ta’ partit”

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-poplu ma jiħux deċiżjonijiet skont proġetti long-term li għadhom ma sarux, iżda skont it-track record tal-Partit Nazzjonalista fuq proġetti kbar bħalma huma l-Isptar Mater Dei, it-terminal taċ-Ċirkewwa u l-power station tal-Marsa, li ma tlestewx fiż-żmien li kellhom jitlestew u li qabżu l-finanzi allokati għalihom.
Waqt diskors politiku f’Marsaxlokk, il-Prim Ministru qal li l-Gvern tiegħu qed iwettaq, bħalma pereżempju qed iwaqqaf il-heavy fuel oil u dalwaqt se jiffirma ftehim biex isir pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja, sabiex jitneħħa minn Marsaxlokk it-tanker tal-gass.
Fid-diskors tiegħu, Dr Muscat qal li Gvern Laburista biss jista’ jiggarantixxi stabbiltà politika u kredibilità, li, skont il-Prim Ministru, huma żewġ elementi li jmantnaw ir-ritmu ekonomiku preżenti ta’ Malta.
Hu faħħar it-track record tal-gvern fl-ewwel erba’ snin ta’ din il-leġiżlatura u esprima l-kunfidenza tiegħu li, fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, l-elettorat se jagħtih terminu ieħor fil-Gvern.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dan hu Gvern mhux li jitkellem, imma li jwettaq dak li jwiegħed. Qal li r-riżultati qegħdin hemm biex kulħadd jarahom, imisshom, u jħosshom fil-bwiet tiegħu fil-livell tal-għajxien.
Sostna li kulħadd isaqsi tliet mistoqsijiet, li għalihom hemm tweġiba ċara, jiġifieri illum hux qed jgħixu aħjar milli kienu jgħixu qabel, jekk hux Malta llum qiegħda aħjar milli kienet fil-bidu tal-leġiżlatura, u jekk Malta hix se tkun aħjar milli qiegħda llum jekk il-Partit Laburista jerġa' jiġi elett fil-Gvern. Joseph Muscat qal li fit-tliet każi, ir-risposta tkun iva.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern se jibda jindirizza l-inġustizzja tal-passat, bħal tal-ħaddiema tax-Xatt, il-ħaddiema tad-Dirgħajn u l-overtime tal-Pulizija. Sostna li l-Gvern seta’ ħasel idu, iżda m’għamilx hekk. Qal li dawn mhux problemi li ħoloq dan il-Gvern, iżda huma problemi li se jsolvi hu.
Saħaq li kulma sar minn dan il-Gvern sar għax hu tim wieħed magħqud. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li filwaqt li saru żbalji, “uħud minnhom goffi”, iżda tgħallmu minnhom. Qal li dan il-Gvern qed isolvi problemi li ħaddieħor m’għamel xejn fuqhom f’25 sena.
“Ċertezza u stabbiltà ta’ korruzjoni, traffiku, inġustizzja u kriminalità” – Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-unika ċertezza u stabbilità li jġib Joseph Muscat jekk jerġa’ jkun Prim Ministru huma dawk ta’ korruzzjoni, traffiku, inġustizzja u kriminalità.
Qal li l-poplu Malti se jdur fuq Simon Busuttil bħala Prim Ministru ġdid tal-pajjiż għax, fost oħrajn, irid Gvern nadif u onest.