“Il-poplu jħoss li l-Ewropa ta’ min jiddefendiha” – Tajani

Tajani

Bħal-lum sena, Malta flimkien mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea se tkun qed tivvota għall-Parlament Ewropew.
Il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani qal li din hija ħidma kontinwa biex il-kawlità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej titjieb.  
Tajani qal li dan huwa wkoll apprezzat mill-elettorat għax skont l-Ewrobarometru, tnejn minn kull tlieta iħossu l-benefiċċji ta' din il-ħidma, partikolarment iż-żgħażagħ.
Huwa qal li jidher li l-poplu jħoss li l-Ewropa ta min jiddefendiha.
Edizzjoni speċjali tal-Ewrobarometru, sena qabel l-elezzjonijiet

Hekk kif l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fadlilhom sena, kienet ippublikata edizzjoni speċjali tal-Ewrobarometru. Dan l-istħarriġ juri reazzjonijiet differenti għal kwistjonijiet partikolari.
Dawn iċ-ċifri huma rilevanti kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll fuq livell nazzjonali.
Fuq livell Ewropew, jidher li l-Spitzenkandidat, proċess li fl-elezzjonijiet li għaddew kien biss prova, niżel tajjeb mal-elettorat u issa minn appoġġ ta' madwar 10% dan issa tela għal madwar 49%.
B'madwar l-istess ċifra, l-Ewropej qalu li l-akbar tħassib tagħhom jikkonċerna t-terroriżmu, il-qagħad u l-immigrazzjoni.
Il-maġġoranza tal-Ewropej li wieġbu għal dan l-istħarriġ qalu li huma sodisfatti bil-livell ta' demokrazija f'pajjiżhom.
L-allejanzi tal-partiti politiċi Ewropej jidhru li qed jinbidlu u qed jiġu ffurmati diversi partiti u movimenti ġodda. Nofs dawk li wieġbu dan l-istħarriġ qalu li dan mhux ta' theddida għad-demokrazija.
Fuq livell lokali, 49% tal-Maltin iħossu li l-vuċi tagħhom fl-Ewropa tinstema' filwaqt li 57% iħossu li l-vuċi tagħhom f'Malta tgħodd.
B'kuntrast 80% tad-Daniżi iħossu li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-Ewropa filwaqt li 93% iħossuhom mismugħha f'pajjiżhom.
Ritratti: Parlament Ewropew