“Il-Poplu għandu bżonn Oppożizzjoni mġedda u organizzata” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li l-poplu għandu bżonn Oppożizzjoni mġedda u organizzata, flimkien ma’ partit b’saħħtu, biex joffri s-soluzzjonijiet għall-problemi li s-soċjetà qed taffaċċja. Hu qal dan waqt intervista fuq l-istazzjoni tar-radju tal-Partit Nazzjonalista.

Delia qal li matul l-aħħar ġranet, il-Kunsilliera fil-Kunsill Ġenerali kienu involuti f’diskussjonijiet twal dwar l-istatut tal-Partit Nazzjonalista biex jiġi eżaminat il-Kumitat Eżekuttiv.

“Il-poplu jrid serħan il-moħħ”

Rigward l-inċident fuq sit ta’ kostruzzjoni li sewa ħajjet Miriam Pace, Delia qal li l-Oppożizzjoni qed titlob għal inkjesta pubblika dwar it-traġedja fil-Ħamrun. Qal li din l-inkjesta għandha tistabbilixxi x’wassal għal din it-traġedja u jekk il-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu għamlux dak kollu possibbli biex il-liġi tiġi segwita. Sostna li l-Gvern għandu r-responsabbiltà li jara li tingħata l-protezzjoni kollha lill-persuni li joqogħdu fi djar li jinsabu biswit siti ta’ kostruzzjoni. Insista li “huwa ċar li r-riforma li kienet saret taħt il-Ministru Ian Borg kienet falliment, tant huwa hekk li l-Prim Ministru Robert Abela deherlu li kellu jwaqqaf kumitat tekniku ieħor sabiex jagħmel riforma tar-riforma li kienet saret is-sena li għaddiet.”

Delia spjega li mill-konsultazzjoni li kien għamel il-Partit Nazzjonalista ma’ diversi għaqdiet, entitajiet, awtoritajiet u anke man-nies mill-pubbliku, irriżulta li waħda mill-affarijiet li għandha tiġi indirizzata minnufih kienet in-nuqqas ta’ infurzar.

“Ian Borg qed jabdika milli jagħmel dmiru”

Delia qal li l-pajjiż għandu bżonn ġustizzja u soluzzjonijiet immedjati. Qal li l-Oppożizzjoni ltaqgħet mal-Kamra tal-Periti ftit jiem wara t-traġedja. Insista li din setgħet ġiet evitata li kieku “l-Gvern ma injorax is-sinjali wara l-każijiet oħrajn ta’ tiġrif li seħħew matul l-aħħar xhur”. Insista li għalhekk għandha tintrefa’ r-responsabbiltà politika mill-Ministru Ian Borg.