Awdjo: Il-pont tal-Imrieħel lest sas-sena d-dieħla

Il-pont tal-Imrieħel mistenni jkun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla. 
Kelliema għall-Ministeru għall-Infrastruttura kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt li l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar approvat il-pjani tal-pont u ħarġet il-permess biex jinbena.
Il-Ministeru beda l-proċess tal-Espressjoni ta’ interess.  Hu stmat li se jiġi jiswa ftit aktar minn €350,000.
Il-pont tal-Imrieħel ilu mwiegħed biex isir mill-2006.
Is-sena ta’ qabel, fit-21 ta’ Awwissu 2005 fi Triq is-Sebħ, jew aħjar fil-bypass tal-Imrieħel, żewġ tfajliet Qriema, Emma Housley ta’ 17-il sena  u Graziella Fenech ta’ 13-il sena tilfu ħajjithom wara li tajrithom karozza waqt li qed jaqsmu t-triq.
Skont studju li kien sar mill-Gvern, irriżulta li 42 persuna jużaw il-bypass beix jaqsmu min-naħa għall-oħra.
B’reazzjoni għal din l-aħbar, is-Sindku ta’ Ħal Qormi, Rosianne Cutajar qalet ma’ Newsbook.com.mt li fl-aħħar ir-residenti Qriema li jgħixu fiż-żona Tal-Blat 2, se jkunu jistgħu jħossuhom aktar parti minn Ħal Qormi.
Irrimarkat ukoll li l-pont mhux se jservi biss biex ir-residenti jaqsmu lejn il-qalba ta’ Ħal Qormi, iżda wkoll biex il-Qriema jmorru għax-xogħol fl-Imrieħel bil-mixi.
Ilbieraħ fil-Qorti ġie deċiż li l-familja ta’ Emma Housley għandha tingħata kumpens ta’ €237,000 mingħand Ivan Cutajar, ir-raġel li tajjar it-tfajliet.