Il-pompa tal-petrol ta’ Manoel Island se timxi għall-ġnien tal-Gżira

Google Maps

Read in English.

Il-pompa tal-fuel ta’ ħdejn Manoel Island se tiġi rilokata għall-ġnien tal-Gżira u se tikber fid-daqs ukoll.

It-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) ċaħad l-appell li sar kontra dan l-iżvilupp mill-Kunsill Lokali tal-Gżira. Il-Kunsill kien fetaħ l-appell kontra l-Aworità tal-Ippjanar (PA) u Simon Muscat li fuqu ħareġ il-permess.

Skont id-dokument tad-deċiżjoni dwar l-appell it-Tribunal qal li l-applikazzjoni għar-rilokazzjoni tal-pompa saret fl-1999. Dan fid-dawl ta’ tibdil li kien se jsir fi Triq ix-Xatt biex titwessa’ t-triq. Il-pompa se tkun qed timxi 100 metru ‘l isfel mill-pożizzjoni tagħha ta’ bħalissa.

Skont it-Tribunal biex il-pompa timxi għall-ġnien iridu jitneħħew mill-inqas tliet siġar. Intqal li l-Manoel Island Link Road se jtejjeb l-aċċess għaż-żona u għal Tas-Sliema. Però, ntqal ukoll li jekk ma jittiħdux l-miżuri neċessarji ż-żieda fl-aċċessibilita tfisser żieda fil-konġestjoni.

Is-sentenza tat-Tribunal tgħid ukoll li spazji miftuħa jikkontribwixxu għall-kwalità tal-ħajja u li l-użu tal-art għal spazji miftuħa huwa important daqs kull użu ieħor. Intqal li meta spazju miftuħ  jinbena, aktarx dan l-ispazju jintilef darba għal dejjem.

Google Maps

Il-Kunsill Lokali qajjem 12-il argument kontra l-iżvilupp propost, però l-Awtorità ma qablitx mar-raġġunar tiegħu. It-Tribunal ikkonferma l-permess għal PA2000/99.

Il-membri tal-EPRT li ddeċidew kontra l-appell tal-Kunsill Lokali tal-Gżira huma Joseph Borg, Dr Abigail Bugeja, u il-Perit Robert Sarsero.

Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manché qal li jinsab iddiżappuntat bid-deċiżjoni tal-appell.

“Bid-dovut rispett kont nistenna ħafna aħjar milli jiġi ġustifikat sfreġju minħabba policies antiki u twessiegħ ta’ toroq li llum ma jagħmlux assolutament sens. Apparti mill-fatt kardinali li se tieħu parti mill-ġnien u ħa tkun ħdejn l-unika spazju aħdar miftuħ għall-iktar lokalità popolata f’Malta. Kienet diġà ġennata li tingħata pompa fuq il-forshore li diġà hija llegali aħseb u ara ġo ġnien viċin l-unika spazju għat-tfal tagħna, qal Borg Manché.

“Il-Kunsill Lokali kien iddeċieda b’mod unanimu li jagħmel dan l-appell u għal dan il-għan se tissejjaħ laqgħa urgenti biex tiġi diskussa id-deżizjoni li ttieħdet mill-EPRT kif ukoll jiġi determinat il-pass illi jmiss u r-rimedji l-oħra li tagħtina il-ligi,” temm jgħid is-Sindku.

Ninsab immensament iddiżappuntat wara li sibt il-ħin u qrajt bir-reqqa is-sentenza tal-appell li tat illum l-EPRT….

Posted by Borg Manché Conrad on Thursday, July 2, 2020