Madwar 500,000 litru ta’ vodka tal-kuntrabandu u xorb alkoħoliku magħmul b’mod illegali issa jistgħu jinużaw bħala diżinfettant fil-ġlieda kontra l-coronavirus, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekutur Pubbliku tal-Polonja.
Skont il-Brussels Times, l-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxi tal-Polonja kienu qed iżommu mill-inqas 430 litru ta’ vodka u alkoħol pur. Ammont mix-xorb kien ġie sekwestrat bħala evidenza fil-qorti filwaqt li l-bqija ġie konfiskat wara dawn it-tip ta’ każijiet.
Minflok se jinqered, ix-xorb issa ngħata lis-servizzi relevanti biex jintuża għad-diżinfettazzjoni tal-bini, kmamar, u vetturi.
Is-servizz tat-tifi tan-nar f’Olsztyn, żona fil-Polonja li taqsam il-fruntiera mar-reġjun Russu ta’ Kaliningrad irċieva 1,000 litru ta’ xorb pur, filwaqt li tliet sptarijiet ingħataw 2,500 litru skont kelliem għad-dwana tal-Polonja.
Intant il-Gvern Spanjol qal li se jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex jiġġieled kontra l-pandemija tal-coronavirus u avża li “l-agħar għadu ġej” wara li Spanja rreġistrat l-1,300 mewt tagħha u bdiet toqrob lejn il-25,000 każi.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.