Il-Polonja tintrabat li tieħu sa 50 refuġjat minn Malta

Il-Polonja ntrabtet li sal-aħħar ta’ din is-sena tilqa’ sa 50 refuġjat minn Malta. Dan intqal waqt laqgħa bejn l-iSpeaker Anġlu Farrugia u  s-Sotto Segretarju fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Pollakk responsabbli minn Affarijiet Parlamentari u Drittijiet Umani Henryka Mościcka-Dendys. 

Tul il-laqgħa, l-iSpeaker tal-Parlament Malti radd ħajr lill-Prim Ministru Pollakk talli kien minn tal-ewwel li wera solidarjetà ma’ Malta fir-rigward tal-problema tal-immigrazzjoni rregolari. 

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll il-qagħda inkwetanti fil-pajjiżi fin-Nofsinhar ta’ Malta, kif ukoll il-problemi li qed tiffaċċja l-Polonja fit-tħaddim tan-Neighbourhood Policy mal-pajjiżi tal-Lvant.  L-iSpeaker Anġlu Farrugia u s-Sinjura Mościcka-Dendys qablu li dawn huma materji li għandhom jinteressaw lill-pajjiżi kollha tal-Ewropa.

Fil-kuntest ta’ koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi fil-qasam tat-tagħlim tal-lingwa Ingliża lill-barranin, l-iSpeaker faħħar l-arranġament prattiku li qed joffri l-gvern Pollakk li permezz tiegħu jiġi faċilitat l-ingress ta’ studenti minn pajjiżi tal-Lvant f’Malta ħalli jitgħallmu l-Ingliż, fost ħwejjeġ oħra, billi qed joffri garanzija għal dawn iċ-ċittadini minn barra l-Unjoni Ewropea meta jidħlu f’pajjiżna.