Il-Polonja tikkunsidra li l-Ħadd ma jiftħux ħwienet

Il-Polonja tista’ bil-mod il-mod tibda l-mixja biex sa tliet snin oħra, ebda ħanut fil-pajjiż ma jibqa’ jiftaħ fil-ġurnata tal-Ħadd, jekk ikun approvat abbozz ta’ liġi li qed ikun ikkunsidrat bħalissa mis-Senat.
Dawk li qed jappoġġjaw dan l-abbozz iridu jagħmlu possibbli li l-ħaddiema jkunu jistgħu jqattgħu aktar ħin mal-familja.
Għall-bidu dan l-abbozz sab l-appoġġ tal-unjins tal-pajjiż imma issa żdied l-appoġġ ukoll tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja li hu l-partit fil-gvern.
Il-Kamra tad-Deputati Pollakka, magħrufa bħala is-SEJM, approvat dan l-abbozz b’254 vot favur u 156 kontra. Imma dan għad fadal li jkun approvat ukoll mis-Senat, imbagħad mill-President tal-pajjiż, Andzrej Duda.
Skont l-abbozz, ix-xiri l-Ħadd ikun jista’ jsir biss fl-ewwel u l-aħħar Ħadd tax-xahar sa l-aħħar tal-2018.
Fl-2019 ix-xiri jkun jista’ jsir biss fl-aħħar Ħadd ta’ kull xahar u sal-2020 il-ħwienet ma jiftħu qatt nhar ta’ Ħadd.
L-eċċezzjoni tkun biss għall-ħwienet li jbigħu l-ħobż u xi stabbilmenti. 
Meta l-ġurnata tal-Ħadd tinzerta lejlet xi vaganza pubblika, bħall-Milied il-ħwienet ikunu jistgħu jiftħu.
Il-Konferenza Episkopali Pollakka, filwaqt li ferħet b’dan il-pass, qalet li l-abbozz mhux b’saħħtu biżżejjed għax kulħadd għandu jkun ħieles mix-xogħol tal-Ħadd.
Is-sena li għaddiet il-unjin Solidarjetà ġabret 350,000 firma biex jieqaf il-ftuħ tal-ħwienet fil-Ħdud. Dawn kienu tliet darbiet  u nofs aktar mir-rekwiżit legali biex jinbeda proċess leġiżlattiv fil-pajjiż.
Kelliem għall-unjin qal li l-ħaddiema tas-supermarkets ma kinux imħallsa tajjeb u mħaddma żżejjed u b’hekk kienet qed tbati l-familja tagħhom. 
Hu qal li l-kapitaliżmu u l-konsumeriżmu ħadu s-sopravvent fil-Polonja.
Fl-1991 fl-Enċiklika tiegħu Centessimus Annus, il-Papa Pollakk, San Ġwanni Pawlu II kien issuġġerixxa li l-pajjiżi jistaqsu lilhom infushom jekk “il-liġijiet u l-prattiċi f’soċjetatjiet industrjalizzati kinux qed jassiguraw b’mod effettiv l-eżerċizzju tad-dritt bażiku tal-mistrieħ nhar ta’ Ħadd.