Il-Polonja kisret il-liġi bir-riforma tal-ġudikatura – il-Qorti tal-UE

Read in English.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dikjarat li l-Gvern Pollakk kiser il-liġi tal-Unjoni Ewropea u enfasizzat il-ħtieġa li l-ġudikatura tkun indipendenti. L-għada li l-Qrati Maltin qalu li l-każ tal-indipendenza tal-ġudikatura f’Malta se jiġi riferut lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-istess Qorti t-Tlieta qalet li għandha tittieħed azzjoni kontra l-Polonja għall-mod kif naqqset l-età tal-irtirar għall-Imħallfin.

AQRA: Il-Qorti Kostituzzjonali se tirreferi l-każ lill-Qorti Ewropea

Il-Gvern Pollakk tratta lill-Imħallfin nisa u rġiel b’mod differenti meta l-età tal-irtirar intrabtet mal-ġeneru.

Il-Qorti tal-Unjoni Ewropea eżaminat ukoll is-setgħa li ngħatat lill-Ministru għall-Ġustizzja biex jiddeċiedi jekk jawtorizzax lill-Imħallfin biex ikomplu jaqdu dmirijiethom lil hinn mill-età l-ġdida tal-irtirar. Minħabba li l-istess Imħallfin fil-qrati Pollakki jistgħu jiddeċiedu dwar il-liġi tal-UE, il-Qorti stqarret li “biex jiġi żgurat li huma f’pożizzjoni li joffru dik il-protezzjoni, hu essenzjali li jkunu indipendenti”.