Il-Polonja bla rappreżentanza għall-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni

Il-Polonja mhix se tkun rappreżentata waqt il-Valletta Summit dwar l-immigrazzjoni, li se jsir il-ġimgħa d-dieħla.
Jirriżulta li l-Gvern Pollakk iddeċieda li ma jibgħatx rappreżentanza għal dan is-summit li se jlaqqa’ flimkien il-Gvernijiet tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea u bosta pajjiżi Afrikani, fosthom tal-Unjoni Afrikana.
Il-President Pollakk ħabbar li l-ewwel laqgħa tal-Parlament se ssir fit-12 ta’ Novembru u għalhekk mhux se jkun possibbli għall-Prim Ministru Pollakka li tattendi għas-summit u għal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li ssir wara.
Kien il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk li stieden lill-mexxejja Ewropej biex eżatt wara li jintemm il-Valletta Summit ikomplu bit-taħdidiet biex jintlaħaq ftehim komuni kif l-Unjoni Ewropea tgħin lill-pajjiżi Afrikani fl-isfida tal-immigrazzjoni.
Fix-xhur li għaddew, il-Polonja kienet ħadet pożizzjoni kontra l-pjan għar-rilokazzjoni ta’ 120,000 immigrant mis-Sirja iżda din il-pożizzjoni nbidlet waqt il-Kunsill tal-Ministri, bil-Ministru Pollakk jivvota favur.
Apparti l-Polonja, pajjiżi oħra li qed isabbtu saqajhom għall-pożizzjoni li qed taddotta l-Kummissjoni Ewropea huma r-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Ungerija, li vvuttaw kontra r-rilokazzjoni filwaqt li l-Finlandja kien l-uniku pajjiż li astjena.
Għall-Valletta Summit se jattendu 27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, 35 pajjiż Afrikan u rappreżentanti tal-Unjoni Afrikana u n-Nazzjonijiet Magħquda.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Kummissjoni Ewropea qal li ma saritx stedina lit-Turkija bħala osservatur biex is-summit jibqa’ bejn l-Ewropa u l-Afrika.
Fil-ġimgħat li għaddew, il-Kummissjoni Ewropea laħqet qbil mat-Turkija li tiżdied l-għajnuna finanzjarja għall-immigrazzjoni u biex tiħaffef il-proċess tal-identifikazzjoni għat-talbiet tal-ażil.
Huwa mistenni li f’Malta, l-Unjoni Ewropea tippreżenta trust fund għall-istabbilità fil-pajjiżi minfejn l-aktar li jitilqu l-immigranti lejn l-Ewropa.
Dan il-fond se jkun qed jammonta għal €1.8 biljun iżda sorsi qrib il-Kummissjoni Ewropea, li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li filwaqt li l-pajjiżi Mediterranji jidhru li qed jaqblu li jsaħħu l-għajnuna lill-pajjiżi Afrikani, mhux kull pajjiż membru tal-Unjoni huwa tal-istess fehma.
Midja internazzjonali, speċjalment dik Afrikana, ppubblikat l-abbozz tad-dokument li se jiġi diskuss f’Malta iżda dan mistenni li jinbidel u jiġi emendat waqt il-laqgħat bejn il-mexxejja.