Il-politika f’Malta għandha bżonn tinbidel mill-qiegħ – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li Malta għandha bżonn tibdel il-politika tagħha mill-qiegħ. Huma qalu li biex il-politika tiġġedded il-partiti politiċi u l-gvern għandhom jitbiegħdu mit-tixħim politiku u jitbiegħdu minn intriċċi li jħarsu l-interessi tan-negozjanti u ma jiħdux responsabbiltà politika.

Il-PD qal li f’Malta, l-Gvern u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista huma msieħba ma’ negozjanti kbar b’detriment għall-ġid komuni. Għalhekk r-responsabbiltà u d-direzzjoni politika sabu xkiel minn min għandu l-flus.

Il-Mexxej temporanju tal-Partit Demokratiku Godfrey Farrugia qal li, ”il-Partit Demokratiku qed jerġa jsejjaħ għal Reġistru tal-Lobbyists u emendi legali ċari daqs il-kristall u riformi fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti, kif ukoll atti tal-Whistleblower u Standards Pubbliċi.“

Il-Partit Demokratiku qal li jikkundanna l-benefiċċji finanzjarji mogħtija lill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi (MDA) mill-fondi tal-Gvern għas-Soċjetà Ċivili għax fi kliemhom dan huwa użu irresponsabbli ta’ flus li ġejjin mit-taxxi tal-poplu. Żiedu li l-kriterji ta’ eliġibbiltà biex entità tibbenefika minn dawn fondi huma medjokri u għalhekk f’demokrazija Ewropea matura, l-MDA għandha tiġi definita bħala organizzazzjoni Lobbyist u mhux NGO.

Il-Partit Demokratiku appella lill-Kummissarju għal organizzazzjonijiet mhux Governattivi biex jaġixxi u jitlob lill-Kummissarju tal-Istandards Pubbliċi biex jieħu l-inizzjattiva biex jipprepara abbozz ta’ liġi sabiex jitwaqqaf Lobby Register bi struttura legali robusta. Kkonkludew li Malta għandha bżonn soċjetà ċivili li sservi l-interessi nazzjonali.