“Il-politiċi tkellmu kmieni wisq dwar il-mina bejn iż-żewġ gżejjer”

Hekk kif id-diskussjoni dwar iżjed aċċessibiltà bejn iż-żewġ gżejjer, qegħda dejjem iżjed tintensifika, numru ta' opinjonisti, studenti u ħaddiema Għawdxin isostnu li qabel iż-żewġ partiti politiċi qablu fuq il-proġett tal-mina, kien ikun iżjed f'waqtu li jsiru t-testijiet dwar l-impatt ambjentali u dak soċjali.
Il-pożizzjoni tal-partiti politiċi
Waqt diskussjoni fuq il-programm "Għandi xi Ngħid" fuq Radju Malta, il-Membru Parlamentari min-naħa tal-Gvern, Franco Mercieca qal li l-Għawdxin huma kollha favur il-proġett tal-mina u li hemm kunsens miż-żewġ partiti politiċi. Fuq l-istess binarju, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Chris Said saħaq li l-Partit Nazzjonalista kien dejjem favur l-aċċessibilità għal Għawdex u semma kif Gvern Nazzjonalista qabel l-2012 investa f'vapuri ġodda għall-Gozo Channel u żviluppa żewġ terminals fiċ-Ċirkewwa u l-Imġarr.
Min-naħa tiegħu il-Kelliem ta' Alternattiva Demokaratika, Mario Mallia qal li AD taqbel li quddiem is-sitwazzjoni attwali, l-Għawdxin jinsabu żvantaġġjati. Minkejja dan, Mallia saħaq li l-ispiża għal dan il-proġett tista' saħansitra tisplodi 'l fuq u tlaħħaq mal-biljun ewro u nofs. Dan għaliex fi kliemu, hemm problemi ta' xquq taħt il-baħar li jkomplu jikkumplikaw l-istudju ġeoloġiku.
Studju dwar l-impatt ambjentali u soċjali
L-opinjonista John Busuttil li għal erba' snin sħaħ ilu jaħdem f'Għawdex, saħaq li l-partiti politiċi tkellmu kmieni wisq. Tal-istess fehma huwa l-Professur Alan Deidun, li fl-intervent tiegħu semma kif kien ikun iktar għaqli kieku qabel ħadu pożizzjoni, il-mexxejja politiċi kienu janalizzaw l-istudju tal-impatt ambjentali u soċjali.
Turiżmu
Waqt li l-Front Favur il-Mina qed jargumenta li l-lukandiera f'Għawdex huma fil-parti l-kbira tagħhom favur il-proġett tal-mina kien hemm min argumenta li iktar ma jiħfief l-aċċess għal Għawdex, iktar tkun faċli li wieħed jaqsam għal ġurnata biss b'konsegwenza li jonqsu l-iljieli.
Argument ieħor huwa dak li jirrigwardja l-element ta' sbuħija naturali li joffri l-fliegu, b'kuntrast ma' mina mudlama li tgħaddi minn taħt il-baħar.
Diskussjoni wiesgħa
Żewġ studenti Għawdxin li ħadu sehem fl-istess programm, saħqu li għandu jkun hemm diskussjoni wiesgħa u ħolistika dwar il-proġett ta' link permanenti. Waqt li qablu li mhux kull min iġib l-argumenti kontra huwa neċessarjament kontra l-mina, wieħed għandu jqis l-aspetti kollha sew pożittivi u dawk negattivi biex wieħed ikun jista' jagħżel verament l-aħjar triq li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer.