“Il-politiċi mhux inkwetati dwar il-pandemija daqs l-ECDC” – Patoloġisti

Anxiety-and-COVID-19

Il-Kulleġġ Malti tal-Patoloġisti (MCP) qal li l-politiċi mhumiex inkwetati dwar il-COVID-19 daqs iċ-Ċentru Ewropew għal Kontroll tal-Mard (ECDC) u li hi tal-mistħija li l-Gvern qed jitratta kollox qisu l-ħajja kompliet normali bħas-soltu.

Fi stqarrija l-Kulleġġ, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familjari tal-vittmi li mietu bil-Coronavirus, innota b’dispjaċir li l-biża’ li esprima dwar iż-żieda fil-każijiet f’Awwissu li għadda issa saret realtà. Il-Kulleġġ sostna li ż-żieda sostanzjali fin-numru tal-imwiet tal-anzjani hija waħda ta’ dispjaċir kbir u r-repetizzjoni tal-frażi fl-istqarrijiet li dawn il-vittmi kellhom “kundizzjonijiet tas-saħħa ulterjuri” juri iktar kemm hi gravi s-sitwazzzjoni.

Il-Kulleġġ kompla jgħid li huwa essenzjali li n-numru ta’ każijiet jiġi kkontrollat sabiex tkun assiguratà s-saħħa tal-anzjani u dawk vulnerabbli fis-soċjetà. Sostna li huwa importanti wkoll li jekk wieħed jirnexxielu jikkontrolla l-każijiet attivi jkun qed jassigura wkoll l-edukazzjoni u s-saħħa tat-tfal kif ukoll tal-ekonomija.

Biex dan jintlaħaq, skont il-Kulleġġ, il-mexxejja tal-pajjiż jeħtieġ li b’effett immedjat inaqqsu l-ammont ta’ nies li jitħallew jinġabru f’post wieħed filwaqt li l-istabbilimenti kollha jiġu spezzjonati b’mod regolari biex ikun żgur li dawn li qed jieħdu l-prekawzzjonijiet kollha neċessarji u li jekk xi stabbiliment jinqabad jikser xi miżura għandu jingħalaq. Il-Kulleġġ ippropona wkoll li l-ittestjar fl-ajruport m’għandux ikun bl-addoċċ filwaqt li l-passiġġiera m’għandhomx jitħallew jirkbu ajruplan mingħajr swab test negattiv.

Il-Kulleġġ Malti għal Patoloġisti stqarr li n-nuqqas drastiku ta’ fiduċja fl-awtoritajiet huwa allarmanti u appella lill-pubbliku biex jibqa’ jsegwi l-linjia gwida u miżuri mħabbra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.