Il-politiċi ma jridux elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi fil-Congo

F’messaġġ li ħarġu fi tmiem laqgħa li kellhom fil-kapitali Kinshasa, l-Isqfijiet fil-Congo akkużaw lill-politiċi li qed jagħmlu minn kollox biex fil-pajjiż ma jkunx hemm elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi li jsiru fil-kwiet.
 
L-Isqfijiet qed jitolbu lill-mexxejja tal-pajjiż biex jirrispettaw il-ftehim li kien intlaħaq lejlet l-ewwel tas-sena li joffri soluzzjoni bażata fuq il-Kostitutzzjoni tal-pajjiż. Iżda minflok jonoraw dan il-ftehim il-politiċi qed isibu kull skuża u jagħmlu minn kollox biex iħarbtu dak il-ftehim.
 
Il-ftehim imsemmi, li kien intlaħaq bil-medjazzjoni tal-isqfijiet, jipprovdi li għandu jkun iffurmat gvern ta’ għaqda nazzjonali li kellu jwassal biex isiru elezzjonijiet ġenerali matul din is-sena. Iżda minflok, il-President Kabila, waqqaf Gvern bin-nies tiegħu biss. Sadattant dan l-impass politiku qed ikollu effetti diżastrużi fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
 
L-Isqfijiet jilmentaw li l-munita nazzjonali saret ma tiswa xejn, l-iżvilupp ekonomika waqat, il-qgħad qed jikber. Minflok, iż-żgħażagħ qed jingħaqdu fi gruppi armati li qed joħolqu terrur madwar il-pajjiż.
 
Skont l-istqarrija tal-Isqfijiet madwar 60,000 ċittadin tal-Congo kellhom jaħarbu lejn l-Angola biex jaħarbu mill-vjolenza spjetata. Huma urew tħassib ukoll dwar in-numru kbir ta’ priġunieri li ħarbu mill-ħabsijiet ta’ diversi rħula li ngħaqdu mal-gruppi armati għax hemm is-suspetti li dawn tħallew jaħarbu apposta biex ikomplu mal-kaos li hemm fil-pajjiż.