“Il-politiċi jridu jbiddlu l-mod kif joħolqu l-policies sabiex dawn jilħqu lil kulħadd”

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li filwaqt li pajjiżi qed jirreġistraw tkabbir ekonomiku, fl-istess pajjiżi hemm ammont kbir ta’ persuni li qed jgħixu fil-faqar jew l-esklużjoni soċjali.
Meta kienet qed tindirizza l-Korpi Diplomatiċi, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-politiċi jridu jbiddlu l-mod kif joħolqu l-policies sabiex dawn jilħqu lil kulħadd.
Enfasizzat li jekk il-komunità internazzjonali trid teqred il-faqar trid tifhem li l-faqar qed jasal mill-inġustizzjo politiċi, ekonomiċi u soċjali.
Matul id-diskors tagħha, il-President ta’ Malta tkellmet ukoll fuq l-immigrazzjoni u kif l-iżvilupp sostenibbli jrid jinkludi wkoll din ir-realtà.
Dwar ir-radikalizzazzjoni, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li s-soċjetà trid teżamina għaliex hawn żgħażagħ li qed jispiċċaw emarġinati u jagħżlu li jispiċċaw jiġġieldu fi gruppi terroristiċi.
Sostniet li dan il-fenomenu jrid jiġi indirizzat b’mod legali iżda wkoll il-vuċi taż-żgħażagħ trid tinstema’ biex ma jħossuhomx imwarrba.