“Il-politiċi għandhom joqogħdu attenti mir-rigali u mill-ħbiberiji” – il-Ministru Aaron Farrugia

Read in English.

Waqt li l-Ministru Aaron Farrugia qal li l-politiċi għandhom joqogħdu attenti mhux biss mir-rigali iżda anke mill-ħbiberija, l-MP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li politiċi għandhom joqgħodu attenti anke mir-rigali li jingħataw lill-membri tal-familja. Peppi Azzopardi qal li l-akbar periklu huwa fir-rigali li n-nies tal-business jagħtu lill-partiti politiċi.

Farrugia, Comodini Cachia u Azzopardi kienu qed jieħdu sehem fil-programm Newsbook Hour imxandar is-Sibt filgħodu fuq 103 Malta’s Heart.

Mhux komdu bir-rigali – Farrugia

Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li hu mhux komdu bir-rigali li jingħataw il-politiċi.

“Għalfejn għandi nieħu riġal? Għax għamilt xi ħaġa li mhux suppost għamilt? La l-politiku qiegħed hemm biex iservi lin-nies u qiegħed jieħu salarju allura m’għandux għalfejn jieħu rigali,” qal Farrugia.

“Apparti r-rigali anki l-ħbiberiji. Iridu nevitaw sitwazzjonijiet fejn li politiċi jsiefru ma’ persuni li jirrapreżentaw interessi varji fis-soċjetà (lobbyists) anki jekk meta l-politiku jħallas għall-ispejjeż tiegħu.”

Huwa bħala eżempju qal li jekk jaraw lilu jara lobgħa tal-Juventus ma’ lobbyist fl-iżvilupp in-nies jaslu għall-konklużjoni li huma ‘buddies’. Fakkar f’dak li qal qabel, jiġifieri li “il-perċezzjoni hija kollox fil-politika,” hu qal.

L-anqas il-membri tal-familja – Comodini Cachia

Il-MP Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li lanqas it-tfal jew il-konjuġi tal-politiċi m’għandhom jirċievu rigali għax-xogħol li jagħmlu huma l-politici.

“Għala xi ħadd għandu jagħti rigal lil żewġi jew binti għax inkun għamilt xi ħaġa jien?” staqasiet Comodini Cachia.

Hija għamlet li fejn jidħlu l-ħbiberiji tal-politiċi għamlet paragun mal-membri tal-ġudikatura li anke huma jridu joqgħodu attenti mill-ħbiberiji.

Żiedet tgħid li hi marbuta bil-kodiċi ta’ etika tal-Partit Nazzjonalista li tiżvela riġali ta’ ċertu valur anke wieħed “ta’ ftit għexieren.”

Qalet li jekk awtur jagħtik li ħareġ hu hija ħaġa iżda jekk inti tistieden għall-birthday party ċerti nies u taċċetta rigali ta’ ċerti valur hija ħaġa differenti.

Rigali lill-partiti perikolużi – Azzopardi

Il-Preżentatur Peppi Azzopardi qal li hu jinkwieta l-aktar bir-rigal li jirċievu l-partit politiċi mingħand in-negozjanti. “Hemm hija l-problema”, qal Azzopardi li kompla jgħid li “irid ikollna Gvern li jkollu l-kuraġġ li lill-partit jissussidjahom biex ma jkunux jiddependu fuq il-flus tan-nies tal-business.”